Fiż-żmien li ġej se titwessa’ l-miżura tal-equity sharing – jiġifieri dik li l-Gvern jidħol bi sħab max-xerrej biex jixtri proprjetà.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt l-attività mtella’ mill-Partit Laburista, sabiex tiċċelebra l-46 sena anniversarju mill-kisba tal-Ħelsien f’pajjiżna.
Filwaqt li bħalissa din il-miżura hi miftuħa għal dawk li għandhom minn tletin sena ‘l fuq, din issa se tiġi estiża għal dawk ta’ ’l fuq minn 25 sena. Dan filwaqt li ħabbar li se jiġu mnedija għadd ta’ proġetti tal-housing, fil-jiem li ġejjin.
“Fiż-żmien li ġej se nwessgħu l-miżura tal-equity sharing, jigifieri dik li l-Gvern jidħol bi sħab max-xerrej biex jixtri proprjetà. Din miżura li ħalliet ħafna ġid u bħalissa hi miftuħa għal dawk li għandhom minn 30 sena ’l fuq. Issa se nkunu qed inwessgħuha għal nies li għandhom minn 25 sena ‘l fuq għax irridu ngħinu aktar żgħażagħ biex isiru sidien ta’ darhom. Fl-istess waqt fil-jiem li ġejjin se nkunu qed iniedu numru ta’ proġetti ta’ housing affordabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk, il-Prim Ministru stqarr li dan il-Gvern jaħsibha differenti dwar in-nefqa tal-armi. Stqarr li filwaqt li pajjiżna ma qgħadx lura meta l-pajjiżi tal-Ewropa riedu jassistu lill-pajjiżi milquta mill-gwerra, pajjiżna ta s-sehem tiegħu – dejjem bil-Kostituzzjoni quddiem għajnejna.
Hawn il-Prim Ministru stqarr li s-sehem ta’ pajjiżna ma kienx permezz tal-armi jew il-munizzjon, iżda b’għajnuna umanitarja u tagħmir li jsalva u mhux jeqred il-ħajjiet diġà milquta minn din il-gwerra.
Dr Abela żied iħabbar kif fil-jiem li ġejjin, pajjiżna se jerġa’ jilqa’ lil tfal midruba minn Gaza, għall-aqwa kura medika f’pajjiżna.
“Aħna għandna l-prijoritajiet tagħna – u aħna naħsbuha differenti fuq in-nefqa fl-armi. Issa – meta l-pajjiżi tal-Ewropa riedu jassistu lil pajjiżi milquta bil-gwerra, aħna xorta ma qgħadniex lura. Tajna s-sehem tagħna, imma bil-Kostituzzjoni quddiem għajnejna. Ma tajniex is-sehem tagħna bl-armi jew bil-munizzjon, iżda assistejna lil min kellu bżonn bl-għajnuna umanitarja u bit-tagħmir li jsalva – u mhux jeqred – il-ħajjiet ta’ tant nies milquta bil-gwerra. Ġibna diġà, u fil-jiem li ġejjin se nerġgħu nġibu, tfal midruba minn Gaza għall-aqwa kura medika f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru stqarr kif kull meta l-moviment tal-ħaddiema kellu jdaħħal idejh fil-but, m’għamilx dan biex jixtri l-armi u l-munizzjon, iżda sabiex pajjiżna seta’ jkollu l-banek tiegħu u azjendi u entitajiet li jrendu.
Dan sabiex sar investiment f’kull fora u f’kull qasam.
“Kull meta l-moviment tal-ħaddiema kellu bżonn idaħħal idejh fil-but – u kellna bżonn ħafna drabi – m’għamilx dan biex jixtri l-armi u l-munizzjon. Kull darba li Gvern Laburista daħħal idu fil-but, għamel dan biex Malta seta’ jkollha l-banek tagħha, u entitajiet u azjendi li jrendu. Biex bnejna l-aqwa sistema ta’ servizzi soċjali fl-Ewropa. Biex bnejna t-toroq, l-iskejjel, il-portijiet. Biex it-tfal tal-ħaddiema kollha setgħu jkomplu jistudjaw. Biex iż-żgħażagħ tagħna setgħu jispeċjalizzaw f’Malta u barra. Biex qridna l-pjaga tan-nies bla xogħol.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela stqarr li dan huwa l-moviment tal-bidla – il-bidla li titwettaq ta’ kuljum u li tinħass f’ħajjet in-nies. Dan filwaqt li wiegħed li dan il-Gvern se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha sabiex jilħaq lil kulħadd – hekk kif dan hu l-moviment tal-umiltà.
Moviment mibni fuq il-progress, li se jkompli jġib il-futur, hekk kif huwa moviment tal-Ħelsien – li ġab il-paċi u l-progress, u li joħloq il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.
Aħna l-moviment tal-bidla, bidla li nwettqu kuljum u li tinħass fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. U jekk hemm persuna, imqar persuna waħda, li sal-lum għadna ma lħaqniex bil-bidliet li wettaqna, jien se nibqa’ nagħmel ħilti kollha – ħilti kollha – flimkien magħkom – biex nilħqu lil kulhadd. Għax aħna l-moviment tal-umiltà. Mibni fuq il-progress li ġibna, li qed inġibu u se nkomplu nġibu fil-futur. Aħna l-moviment tal-ħelsien. il-ħelsien li taghna l-paċi u l-progress. Il-ħelsien… Il-ġid għall-maltin u l-ghawdxin.
Il-Prim Ministru Robert Ablea