F’kummenti mal-midja barra Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar sigħat bagħat għal Clayton Bartolo fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda u differenti minn dawk li hemm quddiem il-Kumitat għall-Istandards u li waslu għall-attenzjoni fl-aħħar sigħat.
Fid-dawl ta’ dan mhux se jibqa’ Ministru u lanqas Deputat Parlamentari f’isem il-Partit Laburista.
“Fl-aħħar sigħat bagħat għall-Ministru Clayton Bartolo. Fid-dawl ta’ ċirkostanzi ġodda u differenti minn dawk li hemm quddiem il-Kumitat tal-Istandards, li emergew fl-aħħar sigħat. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi ttieħdet id-deċiżjoni li Clayton Bartolo ma jibqax jokkupa l-kariga ta’ Ministru, kif ukoll ma jibqax jirrappreżenta lill-Partit Laburista bħala membru Parlamentari tal-istess Partit Laburista, filwaqt li se jkun qed iżomm is-siġġu Parlamentari.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dawn iċ-ċirkostanzi ġodda huma b’rabta ma’ rapporti fil-midja li jallegaw li mart Bartolo ħadet xi flus relatati ma’ ftehim ta’ sħubija tal-Gvern u dan qed jiġi investigat mill-Pulizija.
Il-Prim Ministru qal ukoll li, fis-sottomissjonijiet għand il-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, mart Clayton Bartolo, Amanda Muscat, se tkun qed trodd d-differenza tal-flus.
Flok Clayton Bartolo, issa d-Deputat Prim Ministru Ian Borg se jassumi l-portafoll tat-turiżmu.
Il-Prim Ministru nnota l-ħidma importanti tal-Gvern anke fil-qasam tat-turiżmu li hu importanti għal pajjiżna.
“Il-programm ta’ ħidma jkompli anke fis-settur tat-turiżmu nnifsu, fejn hemm policies importanti li jinsabu f’fażi matura ta’ diskussjoni wkoll. Kien hemm ukoll diskussjonijiet, anke publiċi fl-aħħar jiem. Issa wkoll tkun ir-responsabbiltà tal-Ministru l-ġdid, li hu fdat b’dan il-portafoll li jkompli ’l quddiem il-proċess ta’ diskussjonijiet mal-istakeholders ukoll. Hu settur li bejn wieħed u ieħor joffri terz tal-ekonomija tagħna, jibqa’ settur importanti għal pajjiżna wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela