Il-Gvern illum nieda l-proġett CONvErGE li se jsir b’investiment ta’ €40 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern se jkompli jsaħħaħ is-Servizz Pubbliku billi jtejjeb is-sistemi tal-ICT tiegħu.
Kien il-Gvern ta’ Joseph Muscat li nieda l-istrateġija diġitali nazzjonali – Digital Malta, fil-fatt fl-indirizz tiegħu l-Prim qal li kienu ta’ unur li jniedi din l-istrateġija li hija msejsa fuq it-tliet pilastri ewlenin ta’ ċittadini, negozju u Gvern diġitali.
Il-Prim Ministru tenna li biex naslu għal riżultati bħal dawn hemm bżonn li l-Gvern jinvesti bi sħiħ, fil-fatt fl-aħħar erbà snin sar investiment ta’ aktar minn €200 miljun għat-titjib tas-sistemi tal-ICT tal-Gvern. Joseph Muscat spjega l-importanza li pajjiżna jkompli għaddej b’dan ir-rittmu u għalhekk qegħdin jingħataw dawn il-fondi addizzjonali, €28.5 miljun minnhom huma fondi Ewropej, filwaqt li l-€11-il miljun l-oħrajn huma ġejjin minn fondi nazzjonali,.
Fid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru li wara li ġew imnedija servizzi ġodda aċċessibbli mill-mobile, imiss li issa jiġu introdotti numru ta’ servizzi ġodda li jwasslu għal aktar benefiċċji għaċ-ċittadin u għan-negozji. Fil-fatt permezz ta’ dawn il-fondi se jinbnew sistemi ġodda fil-qasam tas-saħħa, servizzi soċjali, tal-ġustizzja, tal-finanzi pubbliċi , tat-turiżmu, tas-sistemi tal-emerġenza u tan-negozji.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex informazzjoni personali tal-utenti tkun protetta. Dan wara li seħħ attakk permezz ta’ virus li ħakem il-files tal-individwi u talab pagamenti li dwaru l-Gvern ħa l-passi neċessarji sabiex ma jkunux affetwati sistemi tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, iċ-ċermen tal-MITA, Tony Sultana spjega li l-proġett CONvErGE għandu l-għanjiet ewlenin li jipprovdi numru ta’ servizzi elettroniċi ġodda, filwaqt li jiżgura li s-sistemi tal-informatika tal-Gvern joperaw aħjar f’qafas ta’ Gvern wieħed.
Spjega ukoll li l-aġenzija se tkun qiegħda ssostni lil diversi MInisteri fl-implimentazzjoni tal-eService applications ġodda li jinkludu sistema ġdida tal-kontijiet tal-Gvern; sistema elettronika ġdid għad-dwana; infrastruttra nazzjonali tas-saħħa magħrufa bħala eHealth; pjattaforma diġitali għas-settur tat-turiżmu; sistema għall-immaniġġjar ta’ attività relatata ma’ diżastri li jistgħu jinqalgħu, sistemi għal-liġijiet ta’ Malta, il-professjoni legali u l-arkivji notarili; sistema elettronika relatata mas-servizzi soċjali u proġett biex jiġi analizzat il-bżonn u l-iżvilupp ta’ portal għan-negozji.