Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, sa nofs din is-sena, jiġifieri fil-ġimgħat li ġejjin, se ssir il-pubblikazzjoni tas-sejħa għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta.
Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt laqgħa oħra tal-Kabinett man-nies bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, li sar fil-binja tal-Malta Business Registry, l-MBR, fiż-Żejtun, li ttrattat is-suġġett tal-ekonomija.
“Sistema li tkun ċentralizzata, li biha intrapriża jkollhom bżonn dokumentazzjoni, li jkollhom bżonn jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju u due diligence, ikollhom sistema waħda ċentralizzata u mhux li trid toqgħod tiġri għand diversi entitajiet biex iġġib id-dokumentazzjoni li tkun meħtieġa, imma li jkollok repożistorju ċentrali hu wieħed, li tiġbor id-dokumentazzjoni sħiħa fuq kumpanija.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk Dr Abela saħaq li, filwaqt li hu tajjeb li pajjiżna jkompli jattira niċeċ ekonomiċi ġodda, jeħtieġ li dan il-ġid ikompli jitkattar billi titnaqqas il-burokrazija.
Il-Prim Ministru fisser li dan hu l-mod kif jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u moderni li jiffaċilitaw il-ħidma tal-intrapriżi.
“Soluzzjonijiet oħra innovattivi biex propju jiġġieldu l-element ta’ burokrazija żejda. Insemmi l-fatt li l-arbitru finanzjarju se jkun jibda jħaddem il-Credit Review Office.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk Dr Abela ħabbar ukoll li se jibda jopera Credit Review Office mill-ġimgħat li ġejjin u spjega li l-funzjoni ta’ dan l-uffiċċju se jkun qed jirrikonċilja bejn banek u negozji dwar self mogħti lill-istess negozju.
Il-Prim Ministru sostna kif pajjiżi barra minn Malta jitkellmu dwar riċessjoni u kif pajjiżna qed jitkellem dwar tkabbir ekonomiku.
Dwar il-bidla fir-reġim tat-tassazzjoni, il-Prim Ministru Abela saħaq li, filwaqt li l-Gvern qed joħloq ambjent aħjar għal min jinvesti f’pajjiżna, qiegħed ukoll jaħdem fuq regoli u leġiżlazzjoni li ġejja minn barra.
Dr Abela sostna li l-Gvern kien tarka waqt perjodu ta’ sfidi internazzjonali u se jerġa’ jkun hekk dwar din il-bidla.
F’din il-laqgħa tal-Kabinett, fost oħrajn, tkellem il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li qal li jinsab sodisfatt hekk kif l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm din is-sena kif ukoll is-sena d-dieħla.
Sostna li llum mhawnx problemi ta’ xogħol, tant li l-Gvern qed jikkumplimenta impjiegi li huma importanti għall-prijoritajiet ta’ pajjiżna fil-futur.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li, fil-ġimgħat li ġejjin, se terġa’ tibda fis-seħħ l-iskola tas-snajja’ fi ħdan l-MCAST, wara li kienet ilha nieqsa għal għexieren ta’ snin b’deċiżjoni żbaljata ta’ Gvern Nazzjonalista.
Bil-Prim Ministru dwar dan il-punt tkellem dwar kif se jibda fost oħrajn il-kors tal-veterinarji.
F’din is-seduta tal-Kabinett tkellmu bosta nies li b’xi mod jew ieħor jikkontribwixxu fil-qasam ekonomiku ta’ pajjiżna, li ġejjin minn oqsma differenti, inkluż dak tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-logħob diġitali u anke mis-settur tal-ikel.