Fil-ftuħ tal-Istrina, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż ħabbar donazzjoni ta’ €60,000 mill-Gvern mill-Fond tal-Kawżi Soċjali għal Malta Community Chest Fund.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru ta’ Malta, ħeġġeġ lil kulħadd juri solidarjetà u ġenerożità biex ilkoll nagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies.
Huwa tenna kif minkejja l-għajnuna li jagħti l-Gvern f’diversi oqsma mediċi, il-Malta Community Chest Fund hija katalista biex tgħin lil mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li jkollhom bżonnha.
“Apparti li kull kontribuzzjoni tgħin lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna mingħand il-Malta Community Chest Fund, din tagħti wkoll kuraġġ lill-voluntiera li jaħdmu tul is-sena kollha biex il-Community Chest Fund twettaq x-xogħol tagħha”, stqarr il-Prim Ministru.
Huwa sostna, “Il-ġenerożità tagħna illum tissarraf ukoll f’tant u tant kuraġġ lil dawk il-voluntiera kollha li jagħmlu dan il-jum possibbli. Mhux biss dan il-jum iżda li tul is-sena kollha bil-ħidma altruwista tagħhom, b’dan is-sens ta’ altruwiżmu b’saħħtu, dan il-valur li huwa tant sinonimu mal-poplu Malti qed jagħtu l-ħin tagħhom biex jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor aħjar.”
Il-Prim Ministru għadda l-awgurju tiegħu għas-sena l-ġdida lil poplu Malti mimlija bil-valuri tal-paċi u tar-rispett lejn xulxin.
Dr Abela rringrazzja wkoll lill-President ta’ Malta u lil martu Miriam Vella tal-ħidma li jagħmlu b’risq il-poplu Malti.