Il-Prim Ministru Robert Abela ta s-serħan il-moħħ li pajjiżna se jibqa’ jkollu linja tal-ajru nazzjonali.
Dan qalu waqt li kien qed iwieġeb domandi dwar diversi temi, waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-ftuħ tal-konferenza ġenerali bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Dr Abela ħabbar li fis-sigħat li ġejjin, se jitħabbru dettalji dwar ir-riforma tal-Air Malta fir-realtajiet tal-lum.
Qal, “Kien hemm tant u tant riformi, ebda waħda ma ħadmet dik hija r-realtà. Il-viżjoni tiegħi hija dik li kellu l-Perit Mintoff ħamsin sena ilu illi jkollna linja nazzjonali tal-ajru, li tkun waħda sostenibbli u li taqdi l-ħtiġijiet tal-gżira tagħna. Dak huwa l-prinċipju li bdejna fid-diskussjonijiet bih mal-Kummissjoni Ewropea, diskussjonijiet immexxija mill-Ministru Clyde Caruana u dak huwa l-prinċipju ewlieni li ġie ppreservat.”
Dr Abela nnota wkoll numru ta’ prinċipji li mexxew dawn in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea, u li wasslu għar-riforma li se titħabbar.
Qal, “L-ewwelnett il-preservazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru, jiġifieri pajjiżna kellu, għandu u se jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru. Li l-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkun wieħed seamless, jiġifieri mingħajr sulluzzu. Jiġifieri għall-passiġġier u għal min juża l-Air Malta se tkun waħda bla sulluzzu, is-servizz kien qed jingħata, se jibqa’ jingħata u fil-kuntest ta’ ħtiġijiet soċjali.”
Il-Prim Ministru stqarr li l-linja tal-ajru nazzjonali għandha responsabbiltajiet differenti minn ta’ linji tal-ajru oħra, bħal dawk low-cost, għaliex trid tibqa’ taqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż, inkluż dawk soċjali u ekonomiċi.
Dan filwaqt li enfasizza l-punt li l-linja tal-ajru nazzjonali tkun waħda ekonomikament sostenibbli.
Qal, “Aħna ma jistax jibqa’ jkollna linja tal-ajru nazzjonali li biex tgħix perjodikament, kull tant snin jew kull sena, teħtieġ injezzjonijiet fiskali mill-Gvern. Għalhekk irridu mmorru lejn dan il-mudell li nemmen li jista’ jwassal ukoll lejn profitabbiltà, nifhem ukoll ir-realtajiet ta’ Air Malta li trid taqdi l-ħtiġijiet soċjali ta’ pajjiż.”
Dr Abela fakkar fis-servizz li tat l-Air Malta, fost l-oħrajn tul il-pandemija, fejn irripatrijat għexieren ta’ persuni u wasslet numru ta’ pazjenti barra minn xtutna li kellhom bżonn il-kura.
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jikkuntrasta l-viżjoni ċara li għandu l-Gvern għal-linja tal-ajru nazzjonali, ma’ dak li għamlu diversi amministrazzjonijiet Nazzjonalisti b’mod kontinwu.
Qal, “Però nafu x’kien jgħid il-Partit Nazzjonalista fis-sebgħinijiet. Kien jgħidilna ‘ħloqtu l-għasafar taċ-ċomb’. Ikolli ngħid li kull meta kienu fil-Gvern għamlu minn kollox biex vera jġibhuom għasafar taċ-ċomb l-ajruplani tal-Air Malta u l-operat tal-kumpanija. Jekk tara l-ftehimiet kollettivi attroċi li ffirmaw tul is-snin, li bihom għabbew lill-kumpanija b’piżijiet li ma kienx jixirqilha, li ma ġabux l-operat tagħha vijabbli, dawk huma d-deċiżjonijiet li ħa l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.”
Dr Abela fakkar fl-għażliet strateġiċi li ħadu Gvernijiet Nazzjonalisti fejn jidħol xiri ta’ ajruplani li ma kinux adattati għall-kumpanija.
Il-Prim Ministru temm jgħid kif din ir-riforma kuraġġjuża mistennija tkun strumentali għal-linja nazzjonali tal-ajru.
Qal, “Din ir-riforma li ħadd nemmen m’għamilha sew, din id-darba nemmen li jista’ jkollna riforma li hija waħda sostenibbli, li tkun waħda fit-tul u hemmhekk fejn verament nibqa’ nisħaq fuq dan il-prinċipju li nibqgħu naħdmu bis-saħħa biex insaħħu lil Malta tagħna.”