In-Nutar Myriam Spiteri Debono tħaddan l-għaqda nazzjonali u b’hekk hi denja biex tkun il-President li jmiss. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament dwar il-President innominat Myriam Spiteri Debono.
B’din il-mozzjoni storika tressqet mill-Prim Ministru Robert Abela u ssekondata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma kwalitajiet li tħaddan in-Nutar Spiteri Debono, fosthom dak tal-interess nazzjonali.
Qal, “Ħidmitha baqgħet immarkata sal-lum u l-istorja politika turina li ħadmet f’perjodu li ma kien faċli xejn. Dakinhar, f’perjodu diffiċli u li kien partikolari, dak li kellha tgħid qalitu. Pero dejjem waslet il-messaġġ b’mod li l-messaġġ wasal u wasal b’saħħtu ħafna.”
Innota kif Myriam Spiteri Debono taf sew il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Qal, “M’għandhiex dubju li Myriam li hi persuna li taf sew il-Kostituzzjoni, ġejja wkoll mill-qasam legali, tipprattika notarili u fl-aħħar fl-aħħar il-President tar-Repubblika hu l-gwardjan u l-kustodju tal-Kostituzzjoni tagħna.”
Dr Abela semma wkoll kif in-Nutar Spiteri Debono qatt ma beżgħet mill-bidla u l-progress, kif jixhduh dawk li ħadmu magħha meta kienet President tal-Għaqda Nisa Laburisti, u kif ukoll hi taqsam dak li taf ma’ kulħadd. Hawn innota kif fil-professjoni tagħha ta’ nutara għenet ħafna studenti fil-prattika tagħhom u anke tat servizz bla ħlas lil min kellu bżonn.
F’dan id-diskors, il-Prim Ministru semma kif illum hu jum storiku, hekk kif din il-mozzjoni saret wara riformi fil-ħatra ta’ President li saret taħt din l-amministazzjoni. Dan bħala parti minn kullana ta’ riformi li saru.
Qal, “Bir-riforma Kostituzzjonali li għamilna kienet riforma Kostituzzjonali ħolistika li ma laqħitx biss il-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika imma estendiet ukoll għall-ġudikatura, estendiet ukoll għall-ħatra ta’ Prim Imħallef u anki għall-karigi li ma joħorġux mill-Kostituzzjoni. Pero l-iskop wara dawn il-bidliet kien wieħed ta’ modernizzar u tiġdid demokratiku f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’diskors li għamlet Spiteri Debono meta kienet Speaker tal-Parlament, li għadu relevanti għal-lum.
Qal, “Hija mixja li lkoll kemm aħna rridu nkomplu. Mixja li fiż-żminijiet tal-lum tirrikjedi aktar għaqal, galbu u impenn minn qatt qabel, mixja li għandha tkun imnebbħa mir-realtà tal-bżonn li kull wieħed u waħda minnha jerfa’ l-piż tiegħu u jagħti s-sehem tiegħu biex f’pajjiżna jkun hawn il-ġid u jkollu rwol fil-familja tal-ġnus u jgħin fit-tkattir tal-paċi u l-prosperità tal-umanità, f’dina li qed tiċkien u b’mod speċjali fir-reġjun Euro-Mediterran. Huwa dan li għandu jimmotivana biex inkomplu nsaħħu dak li writna biex it-tbatijiet u s-sagrifiċċji li għamlu ta’ qabilna ma jkunux saru għalxejn u ġenerazzjonijiet futuri iberkuna. Dik hija Myriam. Dik hija l-11-il President ta’ Malta.”