“Konna u se nibqgħu npoġġu lill-Għawdex fiċ-ċentru tal-politika tagħna.”
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’rally fix-Xewkija, fejn hawnhekk huwa semma kif il-Partit Laburista għandu pjan biex Għawdex jibqa’ miexi ’l quddiem u jsir isbaħ.
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista minn dejjem emmen u nvesta f’Għawdex u hekk se jibqa’ jagħmel jekk jingħata fiduċja.
Il-Prim Ministru qal, “Għedtilhom jekk Għawdex se jaffaċċja sfidi akbar, mela allura se nagħtuh għajnuna akbar. Minn dakinhar jekk daħħalt skema għal Malta, għal Għawdex insistejt li tkun aktar ġeneruża. Minn dakinhar jekk kien hemm proġett f’Għawdex li kien ilu propost imma mhux imwettaq, insistejt li jsir minnufih.”
Fix-Xewkija l-Prim Ministru semma l-ġid li sar f’din il-gżira, partikolarment fejn jidħol il-qasam tax-xogħol.
Hawnhekk fil-fatt qal li fl-manifest, Għawdex jissemma 300 darba u hemm 53 proposta diretta għall-Għawdxin biss. Id-doppju ta’ dawk li hemm fil-ħames verżjonijiet tal-manifest tal-Partit Nazzjonalista.
F’messaġġ ċar lill-Għawdxin, Robert Abela qal li l-għażla s-Sibt li ġej hija ċara, dik ta’ bejn Partit Laburista li kiseb suċċessi kbar u l-Partit Nazzjonalista li b’dak li qed iwiegħed se jħott it-tajjeb li ġa sar.
Il-Mexxej Laburista tenna, “Għawdxin ifhmu s-saħħa tagħkom. Tħallux lil min iddaghjef il-konvinzjoni tagħkom. Tafu magħna fejn qegħdin. Tafu kif se tkunu wara s-26 ta’ Marzu jekk tagħtuna l-fiduċja. Insaqsi, Lesti titilfu dan kollu? Lesti li minfloki bħala Prim Ministru jkun hemm Bernard Grech? Lesti li jmexxu lil Għawdex ikun hemm Chris Said u Joe Ellis? Jekk tisimgħu minnhom u tibqgħu d-dar jew tħassru l-vot, dak li hemm lest għalikom. Li Għawdex jerġa lura fil-passat. Fi żmien meta mexxew dawn in-nies Għawdex kienet l-uniku parti ta’ pajjiżna li marret lura wara li dħalna fl-Unjoni Ewropea. Taħt it-tmexxija tagħna ilkom ħames snin tikbru aktar minn Malta.”
F’messaġġ ċar il-Prim Ministru semma bosta proposti oħra mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li kollha kemm huma għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Robert Abela tenna, “Għawdex ġa sabiħ, jekk tagħtuna mandat ġdid nagħmluh anke isbaħ. Dan filwaqt li nkomplu nkabbru l-ekonomija. €300 aktar fi bwietkom minn roħs ta’ taxxi. €10,000 għall-first time buyers ħalli tgħinhom iħallsu s-self tagħhom. €15 fil-ġimgħa żieda għall-pensjonanti kollha. Garanzija għat-tfal b’żieda fic-children’s allowance, support għal estrakurrikulari u għotja lil min ikompli jistudja. Bil-proposti tagħna familja b’żewġ itfal se tara titjib fuq ħames snin ta’ €9,000 jew aktar. Bil-proposti tagħna koppja pensjonanti fuq pensjoni waħda se jaraw titjib fuq ħames snin ta’ €10,000 jew aktar.”