Wara l-itwal u l-aktar negozjati intensivi dwar il-budget Ewropew u l-fond ta’ rkupru mill-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela nnegozja pakkett ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin.
Dan jinkludi kważi żewġ biljun ewro mill-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll tliet mija u sebgħa u għoxrin miljun ewro f’għotjiet mill-fondi ta’ rkupru mill-pandemija.
Dan l-ammont ma jinkludix l-element tas-self.
F’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin ilu l-Prim Ministru qal li dan il-pakkett inkiseb b’suċċess għaliex fittixna l-persważjoni u l-konvinzjoni.
“Dan is-suċċess ksibnih billi għamilna argumenti sodi, konna konvinċenti, billi madwar il-mejda tan-negozjati tlaqna mill-ewwel li ridna nkunu katalisti bħala pajjiż biex inwasslu li jkun hemm ftehim dwar is-27 stat membru però konna ċari li dak li huwa tagħna u bid-dritt tagħna konna lesti li niġġieldu għalih kif filfatt għamilna bil-persważjoni u bil-konvinżjoni”
Il-Prim Ministru spjega kif pajjiżna kiseb sitt allokazzjonijiet speċjali għal pajjiżna, marbuta ma’ dawk tal-koeżjoni.
Semma kif dan il-ftehim irid jittieħed fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
“Dan il-pakkett jassumi sinifkat akbar meta wieħed iqis li l-UE tilfet it-tieni l-akbar kontributur – ir-Renju Unit. Dan il-fatt waħdu se jwassal biex fil-baġit Ewropew ħamsa u sebgħin biljun ewro anqas biex ikompli wieħed juri kemm is-suċċess li ksibna għal pajjiżna jassumi dimensjoni akbar.”
F’Kastilja, wara li ġie minn laqgħat intensivi fi Brussell, Dr. Abela semma t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta iżda hawnhekk il-Gvern Malti għamel pożizzjoni ċara biex ma niġux ippenalizzati.
“Pajjiżna għamel avvanzi kbar fil-prodott gross domestiku tiegħu u kellu rati ta’ tkabbir li mhux jaqbżu sew il-medja Ewropea iżda huma fost l-akbar – suċċess ta’ pajjiżna illi meta tiġi biex tinnegozja dwar il-baġit li l-pajjiż irid jieħu mill-MFF – dawk huma kriterji illi jaħdmu kontra tiegħek. Aħna għamilniha ċara mal-ewwel li ma konnix lesti li nħallu s-suċċess ta’ pajjiżna jippenalizzana.”
Il-Prim Ministru semma’ kif b’dawn il-fondi hemm għaxra fil-mija ddedikati għal Għawdex.
Qal li dan il-Gvern dejjem żamm il-gżira tat-tliet għoljiet taħt il-lenti biex tikseb aktar għajnuna.
Semma’ li l-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni u l-agrikoltura żdiedu fl-aħħar iljieli u fakkar fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea fl-elfejn u tmintax li kienet tgħid li Malta għandha tieħu ftit inqas minn tmien mitt miljun ewro.
Bil-ftehim milħuq, pajjiżna issa se jieħu biljun u mija u ħamsa għoxrin miljun ewro.
Il-Prim Ministru semma l-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt marbut mal-fondi u qal kif pajjiżna kien konvinċenti.
“Dwar kundizzjonijiet biex l-istati membri jkollhom aċċess għal fondi Ewropej jiġifieri li s-saltna tad-dritt tkun pre-kundizzjoni li inti trid tissodisfa u tista’ taċċessa l-parti tal-allokazzjoni li tkun ingħatajt – pajjiżna kien minn ta’ quddiem biex imbotta dawn l-ideat. Mhux talli ma bżajnix illi l-saltna tad-dritt tkun wieħed mill-kriterji li permezz tagħhom jiġu allokati l-fondi , iżda qegħdna li s-saltna tad-dritt li permezz tiegħu jiġi ġġudikat jekk il-pajjiż ikunx intitolat għall-fondi jew le. Hawn permezz tad-deċiżjonijiet li ħadna riċentament, deċiżjonijiet kuraġġużi u ambizjużi iżda li kellna viżjoni ċara dwarhom, l-impenn tal-gvern anke għal dak li huwa djalogu mal-istituzzjonijiet Ewropej, dwar dawn ir-riformi u l-mekkaniżmu dwar is-saltna tad-dritt u dawk li wettaqna diġa hawnekk konna konvinċenti ferm.”
Fil-konferenza l-Prim Ministru aċċenna li ċ-ċifra mogħtija ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro ma tinkludix self u saħaq li pajjiżna għandu l-għażla jekk jużax aktar fondi mogħtija f’forma ta’ self.
Qal li issa l-familji Maltin u Għawdxin se jgawdu minn dawn il-fondi għall-pajjiżna fi proġetti ta’ fejda.
“Ksibna fondi oħra li bihom se ngħinu lis-settur tas-sajd u akwakultura, inħeġġu lill-istudenti, iż-żgħażagħ u riċerkaturi biex ikollhom aktar opportunitajiet u jieħdu edukazzjoni u taħriġ kemm f’Malta u anek lil’hinn minn xtutna. Se nżidu n-nefqa fi programmi ambjentali kif ukoll f’iniżjattivi biex intejbu l-livell t’għixien tagħna permezz ta’ proġetti li jgħinuna nilħqu l-miri tagħna fit-tibdil tal-klima. Se nagħtu aktar għajnuniet soċjali permezz tal-fond soċjali Ewropew. Se nżidu l-infieq f’investimenti diġitali u innovattivi, se nkunu nistgħu ninvestu iżjed fis-sigurtà ta’ pajjiżna, se nkompli nirealizzaw il-potenzjal ta’ Għawdex u meta wieħed iqis dan kollu nkomplu nifhmu kemm kien imporanti dan il-budget għal pajjiżna.”