Il-ħolqien tax-xogħol hu l-bażi tal-ħolqien tal-ġid.
Tenna dan il-Prim Ministru Robert Abela, meta żar kumpanija internazzjonali bl-isem ta’ SmartCow, li tispeċjalizza f’soluzzjonijiet li jużaw l-intelliġenza artifiċjali u hi bbażata f’diversi bliet madwar id-dinja.
Il-Prim Ministru tenna li l-ħolqien tax-xogħol jibqa’ l-bażi tal-ħolqien tal-ġid, waqt li enfasizza li pajjiżna se jibqa’ miftuħ għan-negozju u se nkomplu nattiraw kumpaniji li jġibu f’Malta karrieri ta’ kwalità.
Hu nnota wkoll kif kumpaniji bħal din huma dawk li qegħdin jippreparaw lil pajjiżna għall-ġejjieni. Qal li qegħdin ninvestu kmieni fil-kapital uman, biex naraw setturi bħal dawn jikbru u jagħmluna aktar kompetittivi u aktar attraenti minn pajjiżi oħrajn.
Il-Prim Ministru rrimarka mill-ġdid l-importanza tas-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità li jeżistu f’dan il-qasam.
Il-Prim Ministru kkonkluda li rridu nħeġġu aktar Maltin jagħżlu dawn il-karrieri u l-Gvern se jibqa’ jinċentiva dan, anke b’tisħiħ tal-istipendju f’dawk l-aktar oqsma bżonjużi għas-soċjetà.
Fl-attività qalb in-nies fil-Mellieħa, il-Ħadd filgħaxija, Dr Abela wkoll tkellem dwar dan.
“Karrieri li jagħtu potenzjal li int tista’ timxi ’l quddiem fil-karriera tiegħek, li jagħtu dħul finanzjarju li hu tajjeb, li joffru ħafna dinjità fix-xogħol tiegħek u huma dawn il-karrieri li aħna rridu ninċentivaw liż-żgħażagħ tagħna li jmorru għalihom. U għalhekk inħeġġu lill-poplu tagħna, li jaħtaf hu dawn l-opportunitajiet, anke għax huma oqsma li huma bżonjużi ferm għad-dinja tal-lum, għas-soċjetà tagħna tal-lum u dan ngħiduh ukoll bl-azzjoni.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Din il-kumpanija se tkun ukoll waħda mill-esebituri waqt it-TechXpo, li se tkun qed tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali din il-ġimgħa.
Dan l-avveniment għandu l-għan li jservi bħala pjattaforma fejn wieħed jesplora l-oqsma dinamiċi tal-intelliġenza artifiċjali (AI), teknoloġiji emerġenti, networking għan-negozju u opportunitajiet ta’ karriera.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru għaż-żjara fil-kumpanija SmartCow kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija Silvio Schembri.