Qegħdin naħdmu għal amministrazzjoni pubblika effettiva u effiċjenti bil-għan li ċ-ċittadin ikun moqdi aħjar. L-istess amministrazzjoni hi kruċjali biex inwettqu inizjattivi favur in-nies bħal dawk imħabbra fil-Budget ta’ din il-ġimgħa.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt il-Konferenza Internazzjonali organizzata mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru nnota r-rata ta’ implimentazzjoni qawwija ta’ rapporti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman li jiġu implimentati frott kollaborazzjoni tajba ħafna bejn dan l-Uffiċċju u l-Gvern.
Illum il-ġurnata kuntrarjament għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt il-keynote speech tiegħu fejn prova jagħti xi impressjoni li l-Gvern jew il-Parlament jinjoraw ir-rapporti tal-Ombudsman, illum għandna ċifra ta’ 85% li hija waħda għolja ferm ta’ rapporti mill-Uffiċċju tal-Ombudman li jiġu implimentati.
Intant, il-Prim Ministru rrimarka wkoll l-importanza tas-servizz pubbliku u kif dan għandu jservi ta’ mudell privat f’diversi oqsma.
Dr Abela nnota wkoll kif dan il-Gvern ma jibża’ qatt itejjeb u jirriforma favur istituzzjonijiet aktar effiċjenti u li jkunu xempju ta’ governanza tajba.
Il-Prim Ministru għamel dan waqt li kien qed iwieġeb il-midja fi tmiem din il-konferenza fejn għamel aċċenn għar-riformi xprunati mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, li jolqtu fost oħrajn lill-ġudikatura.
Dan b’differenza għall-dak li kien jiġri qabel minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
“Rajna kif dan il-pajjiż kien jaħdem qabel l-2013 fejn kellek il-Prim Ministru tal-ġurnata jagħżlu l-Maġistrati huma. Iqum il-Prim Ministru filgħodu jagħżel il-Maġistrat li jrid hu. Kien iqum filgħodu jagħżel l-Imħallef li jrid hu. Kien iqum filgħodu u jagħżel il-Prim Imħallef li jridu hu, l-istess kien jagħmel għall-Kummissarju tal-Pulizija u rajna sfortunatament qabel l-2013 dawk l-għażliet arbitarji li mhux darba tnejn u tlieta ma kienu sbieħ xejn. L-Oppożizzjoni tal-lum tipprova tnessihom jien konsistentament.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-avvanz fil-ħarsien tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna b’kuntrast ta’ dak li kien isir qabel l-2013.
“Infakkar kif kien il-metodu ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ta’ dakinhar wassal għal Kummissarju tal-Pulizija li spiċċa ġie investigat minn inkjesta maġisterjali umbagħad l-Avukat Ġenerali kellu jeżerċità n-nulle prosicue biex dak il-Kummissarju tal-Pulizija ma tressaqx il-Qorti minkejja li l-Maġistrat inkwerenti ordnat li jitressaq il-Qorti, mur li tagħmel dawk il-gabirioli jew bużolloti legali llum. Forsi min qed jitkellem dwar saltna tad-dritt illum ma jikkummenta xejn dwar dan kollu.”