“Għawdex huwa minjiera ta’ opportunitajiet u rridu naraw li bħala Gvern noħorġu l-potenzjal kollu”.
Dan kien kliem il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela fejn waqt business breakfast f’Għawdex, ippreseda t-tnedija ta’ dokument dwar il-viżjoni għal Għawdex li se tkun qed tieħu ħsiebha l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex, magħrufa bħala GRDA.
Il-Prim Ministru stqarr li Għawdex wera reżiljenza kbira f’sena li kienet mimlija sfidi u sa tmiem Mejju, in-numru ta’ dawk li jirreġistraw f’Għawdex irdoppja minn dak li kien hemm fil-bidu tal-pandemija.
Żied jgħid wkoll li sal-bidu ta’ din is-sena, disgħin fil-mija ta’ dawk li kienu tilfu xogħolhom f’Għawdex kienu reġgħu bdew jaħdmu fejn meta mqabbel ma’ Malta, dan il-proporzjon kien ħafna ogħla.
Irrimarka li fl-aħħar sitt snin kien hemm żieda ta’ madwar 13-il persuna li jaħdmu kull ġimgħa mingħajr il-bżonn li jinżlu Malta sabiex jagħmlu dan.
Qal li dan it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija mwettaq mill-GRDA, se jkun ċentrali għaliex se jkun qed jiġbor l-ideat differenti tas-soċjetà Għawdxija bil-ħsieb li jkun propost pjan strateġiku u realistiku li jista’ jitwettaq.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq li l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku jġibu magħhom sfidi ġodda u b’hekk din l-Awtorità se tkun ta’ spalla importanti għax-xogħol tal-Gvern.
Għal dan il-business breakfast kien hemm preżenti wkoll iċ-Chairman tal-GRDA Michael Grech u l-Kap Eżekuttiv Mario Borg, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar.