“Fi żmien tal-pandemija dan huwa Gvern li ma jkaxkarx saqajh quddiem l-isfidi.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika f’Marsaxlokk il-Ħadd filgħodu.
Hawnhekk stqarr kif filwaqt li madwar id-dinja, l-imwiet minħabba l-Covid-19 qed ikomplu jilħqu livelli bla preċedent, f’pajjiżna flok il-każijiet immultipplikaw, is-sitwazzjoni nżammet stabbli u taħt kontroll.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Flok kif kien jgħidilna t-tbassir il-każijiet immultiplikaw minn ġurnata għall-oħra f’pajjiżna żammejna l-affarijiet b’mod stabbli, is-sitwazzjoni b’mod stabbli u taħt kontroll. Għala? Ma ġratx b’kumbinazzjoni din. Ġrat għax ħdimna bil-għaqal u konna Gvern li l-ħin kollu offra s-serħan il-moħħ. Mhux billi niddeċiedu li ma niddeċidux, kif għamel ħaddieħor u kif għadu jagħmel ħaddieħor. Mhux billi nibżgħu nieħdu d-deċiżjonijiet. Semmieha Ian, ma kellniex fuq xiex nimxu, ma kellniex gwidi fuq xiex nimxu, imma ma bżajniex, iddiskutejna u ddeċidejna.”
Il-Prim Ministru stqarr li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jħabbar l-istrateġija tat-tilqima kontra l-Coronavirus fil-Parlament it-Tnejn.
Madankollu, stqarr li fl-aħħar ftit ġimgħat qabel jasal il-vaċċin irridu nibqgħu dixxiplinati u kawti.
Dr Abela sostna, “Tkun ħasra kbira li fl-aħħar ftit ġimgħat nitilfu dak kollu li ksibna flimkien, u għalhekk nerġa’ nappella għad-dixxiplina, għar-responsabbilità, li naħsbu f’xulxin. U rrid inkun onest magħkom, ma jfissirx li għax fil-bidu ta’ Jannar ser ikollna l-vaċċin ser inkunu f’qgħada li ngħidu daqshekk restrizzjonijiet, daqshekk prekawzjonijiet, dak ikun messaġġ żbaljat. Mhux hekk.”
Innota kif tul il-pandemija l-Gvern kellu Oppożizzjoni li iktar fixklet milli għenet, u nnota kif it-tim ta’ azzjoni li għamel l-istess Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma’ għamel xejn.
Il-Prim Ministru Abela saħaq, “Kellna Oppożizzjoni li sa ġimgħa ilu qaltilna li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni. Issa din il-ġimgħa qalulna li jridu l-pjan, l-istrateġija tagħna ta’ kif ser inkunu qed inlaqqmu n-nies. Allura ddeċiedu? Hija soluzzjoni jew le, il-vaċċin?”
Hawnhekk innota kif tnax-il sena ilu pajjiżna wkoll kien għaddej minn kriżi li lanqas tipparaguna ma’ dik ta’ issa, u amministrazzjoni Nazzjonalista kienet waħħlet in-nuqqasijiet fil-kriżi ekonomika. Dan it-tkaxkir tas-saqajn sar sinonimu wkoll mat-tmexxija Nazzjonalista, hekk kif aktar minn xahrejn wara l-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għadu lanqas ħatar ix-Shadow Cabinet tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu li f’dan iż-żmien l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu ‘Fitch’ tat rating ta’ A+ b’titjib fit-tbassir ekonomiku għal pajjiżna. Dan filwaqt li pajjiżna llum huwa l-uniku pajjiż fiż-żona ewro b’rata ta’ qgħad inqas minn 4%.
Stqarr li rridu nifhmu li mingħajr il-komunità kummerċjali ma jistax ikollna l-mobilità soċjali u ekonomija b’saħħitha, u għalhekk wera diżappunt għall-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni meta ġie diskuss proġett f’Ħal Ferħ. Stqarr li l-Oppożizzjoni saħansitra vvutat kontra l-iżvilupp li qed tipproġetta li tagħmel il-Corinthia, bid-Deputat Nazzjonalista David Thake f’wiċċhom jgħidilhom li jekk mhumiex kapaċi jidħol ħaddieħor flokhom.
Stqarr li għall-kuntrarju huwa jagħmel kuraġġ lil kull min irid jinvesti f’pajjiżna u dawn ser ikunu qed isibu l-Gvern warajhom.
Dr Abela tenna, “Lil kull investitur f’pajjiżna, jien nagħmlilhom kuraġġ, ibqgħu investu. Ser tibqgħu ssibu lill-Gvern warajkom.”
Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż ma jridx inċertezza u U-turns, kif rajna din il-ġimgħa mill-Oppożizzjoni dwar il-mina bejn Malta u Għawdex li kienet diġà qablet magħha b’vot fil-Parlament.
Innota kif illum l-Oppożizzjoni hija mmexxija mill-istess nies li kienu qed imexxu l-Partit Nazzjonalista fl-2013, meta l-poplu warrabhom. Dan tant li fl-aħħar jiem rajna bosta li tradizzjonalment kienu jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista, li llum telquh.
Hawnhekk tenna li l-moviment mibni madwar il-Partit Laburista huwa miftuħ għal kulħadd.
Il-Prim Ministru Abela qal, “In-nies x’qed juruna? Qed juruna li jafdawna mmexxu dan il-pajjiż. Biex nibqgħu nżommu dik il-fiduċja rridu nibqgħu saqajna mal-art, inħossu l-polz, nisimgħu u niddeċiedu.”
Stqarr li huwa kburi bil-poplu Malti u Għawdxi li f’dan iż-żmien wera qlubija kbira u minn sfida ħoloq opportunità. Temm jgħid li issa jħares ‘il quddiem sabiex pajjiżna jitmexxa lejn l-aqwa rkupru li qatt ra fl-istorja tiegħu.
Huwa sostna, “Kburi li flimkien magħkom ser inkun qiegħed immexxi dan il-pajjiż fl-aqwa rkupru li qatt ra dan il-pajjiż. Flimkien, flimkien, l-importanza li nibqgħu magħqudin flimkien, pajjiż wieħed, poplu wieħed, Għawdxin, Maltin b’saħħitna ‘l quddiem.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/12/06/ghada-ser-tithabbar-l-istrategija-dwar-it-tilqim-kontra-l-covid-19-fpajjizna/