“Il-pandemija kienet katalista għal tibdil kbir f’pajjiżna u wriet ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt Business Breakfast mill-Bord Nazzjonali tal-Produttività hekk kif ġie ppreżentat rapport dwar il-kompettività ekonomika ta’ pajjiżna bejn l-2019 u l-2020.
Rapport mħejji mill-MCESD li ser jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni Ewropea u li se jkun punt ta’ referenza b’saħħitha sabiex Malta jkollha futur ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Abela faħħar dan ir-rapport hekk kif spjega li l-MCESD qed jixhed kemm huwa effettiv sabiex jindirizza sfidi ta’ importanza nazzjonali.
“Il-pandemija kienet katalista għal diversi bidliet,” qal il-Prim Ministru hekk kif spjega il-passi li ttieħdu lejn xogħol diġitali u ambjentali kemm mill-Gvern u anke minn negozji.
Huwa spjega li l-istrateġija għal wara l-Covid-19 trid tagħti importanza lill-infrastruttura diġitali u li jkompli jittejbu u jitħarrġu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Hawnhekk il-Prim Ministru aċċenna għall-importanza tat-teleworking. Saħaq ukoll fuq il-miri ambjentali li fassal dan il-Gvern sal-2050.
Dwar dawn il-miri, il-Prim Ministru qal li sabiex jintlaħqu trid tinbidel il-mentalità u l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan għaliex ekonomija ħadra tista’ twassal għal trasformazzjoni totali u sostenibbli tal-ekonomija Maltija.
Madankollu biex dan isir, il-Prim Ministru qal li jrid ikompli jiġi adottat minn kulħadd il-kunċett ta’ Tim Malta biex ikun hemm koperazzjoni u sinerġija aħjar għal dan il-progress.
Waqt id-diskussjoni intervjena wkoll il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana. Huwa sostna l-importanza ta’ dan ir-rapport u kif jenfasizza mhux biss fuq tkabbir ekonomiku iżda anke żvilupp lejn futur aktar sostenibbli.
Huwa spjega li Malta waslet għas-suċċess ekonomiku fl-aħħar snin għaliex għarfet tiżviluppa l-infrastruttura tagħha għal tkabbir ekonomiku.
B’hekk saħaq li dan għandu jibqa’ jsir sabiex l-ekonomija Maltija anke wara l-pandemija tibqa’ tifjorixxi.
Min naħa tiegħu l-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela qal li dan ir-rapport li qed jixpruna futur aktar sostenibbli jixhed l-importanza li jagħti l-Gvern f’dan ir-rigward.
Huwa sostna l-importanzi tal-investiment li għamel il-Gvern fl-aħħar snin sabiex illum jinsab b’saħħtu biex jiġġieled il-pandemija u fl-istess waqt iħares lejn l-ekonomija t’għada. Fost oħrajn semma l-importanza li qed jagħti dan il-Gvern lill-qasam diġitali.
Hawnhekk sostna l-importanza tal-bilanċ bejn futur diġitali u kwalità ta’ ħajja tajba.