Il-fiduċja li jgawdi minnha l-Prim Ministru Joseph Muscat hija aktar mid-doppju tal-fiduċja li jgawdi l-kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ għas-sena mill-gażżetta MaltaToday li wera li waqt li l-Prim Ministru jgawdi l-fiduċja ta’ aktar minn 51% tal-elettorat, il-fiduċja tal-Maltin fil-kap tal-Oppożizzjoni hija taħt il-25%. Fil fatt l-istħarriġ juri wkoll li aktar minn 33% tal-votanti li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali qalu m’għandhomx fiduċja fil-kap tal-Oppożizzjoni.
L-istħarriġ wera wkoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ l-iktar mexxej popolari fost il-kategoriji kollha tas-soċjetà.
Fost oħrajn żamm vantaġġ b’saħħtu fost il-votanti li għandhom bejn it 18 u l-35 sena u dawk ta’ 65 sena jew aktar. Fil fatt il-fiduċja tagħhom fil-Prim Ministru hija ta’ aktar minn 56% u 55.6% tal-votanti rispettivament.
Meta mqabbel mal istess kategoriji, Adrian Delia jgawdi biss il-fiduċja ta’ 16.1% u 33.7% rispettivament.
L-istħarriġ wera wkoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat igawdi l-fiduċja fir-reġjuni kollha tal-pajjiż bl-ogħla persentaġġ jinkiseb fix-xlokk ta’ Malta bi 3 minn kull 4 jgħidu li għandhom fiduċja fil-Prim Ministru.
L-istħarriġ wera wkoll li kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jirbaħ b’distakk ta’ 19-il punt fuq il-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif 48.3% tal-votanti jivvutaw lill-Partit Laburista waqt li 29% biss wieġbu li jivvotaw għall-Partit Nazzjonalista.
Hawn ukoll il-Partit Laburista jirbaħ il-fiduċja fost il-kategoriji kollha bl-akbar fiduċja tinkiseb fost dawk li għandhom bejn it 18 u l-35 sena.
L-istħarriġ wera ukoll li 2.7% ta’ dawk li vvutaw lill PN fl-2017, biddlu fehemthom u qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista. Fl istess waqt aktar minn 15% tal-votanti li fl-aħħar elezzjoni ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, wieġbu li ma jivvutawx.