F’attività politika, l-Ħadd il-Prim Ministru espona wkoll il-qerq u l-logħob partiġġjan li qed tilgħab l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech.
F’Marsaxlokk, Dr Abela għamel referenza għal dak li kkonkluda bil-fatti, l-Awditur Ġenerali b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Qal, “U r-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat din il-ġimgħa, it-tielet parti tar-rapport tiegħu dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet, propju jikkonferma u jagħti prova ċara ta’ kemm qegħdin naħdmu differenti.”
Il-Prim Ministru stqarr li t-tielet parti tar-rapport mhux biss turi biċ-ċar il-mod li qed jaħdem bih dan il-Gvern, iżda wkoll il-pożizzjoni b’saħħitha li ħa l-Gvern fil-konfront ta’ Steward.
Qal, “Messaġġ kostanti li joħroġ minn kull parti ta’ dan ir-rapport huwa dak illi dejjem għidna aħna ma’ Steward konnha sodi u dejjem għidnilhom onoraw l-obbligi tagħkom u li l-ftehim, id-deċiżjoni finali kienet li aħna ma konniex se nibdluh.”
Il-Prim Ministru spjega kif fl-isfond tal-pubblikazzjoni tat-tielet parti tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, l-Gvern ried li jiddiskutih fil-Parlament, iżda l-Oppożizzjoni rrifjutat dan id-dibattitu.
Qal, “Nitolbu lill-Oppożizzjoni biex niddiskutu r-rapport fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u l-Oppożizzjoni tirrifjuta illi tiddiskutih. Insaqsi għala jiena u bdew jgħidulna ma niddiskutuhx illum u niddiskutuh għada jew pit għada. U insaqsi jiena, aħna konna qegħdin hemmhekk lesti biex niddibattu. Tafu għaliex ma riedux jiddiskutuh? Għax jafu li l-Gvern qiegħed kontinwament iħares l-interessi tal-pajjiż.”
Hawnhekk, il-Prim Ministru tkellem dwar il-prijoritajiet tal-Gvern hekk kif issa l-ispartijiet jinsabu lura f’idejh, wara d-deċiżjoni tal-Qorti.
Fil-fatt, stqarr kif il-Gvern se jkompli jsostni u jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema jkunu protetti filwaqt li tkun implimentata l-viżjoni għat-triq ’il quddiem għal dawn it-tliet sptarijiet.
Quddiem dawn it-tattiċi mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni, l-Prim Ministru għamel osservazzjoni politika dwar il-mod li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jimmina l-funzjonijiet li għandu jaqdi.
Qal, “L-Oppożizzjoni drajnieha, semmieha Clint ħa nerġa’ nsemmiha jien. Moħħhom biss fil-logħba politika partiġġjana meta għandhom żewġ xenarji li jafu jilgħabu fihom. Jew li jagħtu l-gambetti lil xulxin u jiġġieldu bejniethom. Meta ma jkunux qed jagħtu l-gambetti lil xulxin jippruvaw ikissru l-pajjiż. Dawk huma ż-żewġ xenarji li jemmnu fihom.”