Fid-diskors tiegħu b’reazzjoni għall-Budget għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza numru ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fir-replika tiegħu, it-Tnejn filgħaxija.
Ewlenija fosthom kienet id-dikjarazzjoni tal-Kap, li fid-Dokument ta’ Qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm biss ‘spelling mistakes.’
Fil-fatt, il-Prim Ministru rrimarka żbalji sostanzjali f’dan id-dokument li ġie deskritt bħala wieħed, mimli tgerfix, mill-midja indipendenti.
“Ħa ngħidlek kemm mhux spelling mistakes biss kellkom. Minn ġurnata leave tal-missirijiet li qed jgħidu għandna bħalissa, qed jgħidu li għandhom jitilgħu għal ħamsa mill-1 ta’ Jannar. Lanqas indunajt li mill-1 ta’ Awwissu ta’ dis-sena aħna żidna dan il-paternity leave għal għaxar t’ijiem! Imorru tajjeb il-missirijiet ġidda magħkom għax tridu toħduhom ħamest ijiem leave. U spelling mistake sejjaħlu dan!“
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru pponta wkoll lejn żball tal-Partit Nazzjonalista fejn qed jingħad li d-dħul tal-Gvern li jiġi mit-taxxi se jżiduh bi tnejn u erbgħin punt sitta biljun ewro. Żieda ta’ aktar minn tmien darbiet.
Dr Abela rrimarka kif il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech għadu jemmen bil-politika tal-awsterità meta jitkellem dwar il-‘ħela ta’ flus’ tal-Gvern favur aktar stabbiltà f’pajjiżna.
“Smajna dan ilbieraħ. Sa riċenti kiteb il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista f’gazzetta lokali, il-kollega tagħna Jerome….almenu f’dan l-artiklu kellek il-proof reader tat-Times għall-ispelling mistakes. Qalilna li l-Gvern “squandered so much money.” Qalilna li huwa nkwetanti li sa Lulju d-dejn nazzjonali żdied b’aktar minn €700 miljun. Staqsa fejn marru dawn il-flus? Ħa ngħidlek fejn marru. Din is-sena f’għajnuna relatata mal-Covid tajna aktar minn €300. F’għajnuna relatata mal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija qmugħ u ċereali se nkunu tajna kważi €500. Mela b’kollox €800. Malajr weġibtek fejn marru.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll dikjarazzjoni tal-Kap Bernard Grech meta qal li ma jimpressjonahx il-kliem sabiħ barra minn xtutna.
“U iva, Sur Kap tal-Oppożizzjoni, meta nkun barra minn xtutna kliem sbieħ biss immur ngħid dwar pajjiżna kemm dwar din it-tema u dwar kull suġġett ieħor. Int tgħid li ma jimpressjonakx il-kliem sabiħ barra minn xtutna. Serraħ rasek li ilna li ndunajna li dak mhux il-forte tagħkom. Iżda pajjiżna jista’ jserraħ rasu li għandu lilna tarka għalih kull fejn inkunu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, il-Prim Ministru temm jgħid li kollox baqa’ l-istess fil-Partit Nazzjonalista.
“Tafu x’inhu żgur more of the same? Intom kollha li qegħdin faċċata tiegħi. Inbidlu erba’ uċuh, imma ma nbidel xejn minn dak li temmnu fih! New faces, same old hands. Għax għadhom sal-lum imexxu l-estremisti ta’ żmien Gonzi PN u Simon Busuttil.”
Il-Prim Ministru Robert Abela