Wara l-avvanzi li pajjiżna kiseb fil-qasam tas-saħħa, issa Malta se tkompli titħejja għall-futur anke f’dan il-qasam. Qasam fost l-iktar importanti, għax jiddetermina l-istil tal-ħajja tal-Maltin.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’attività politika fil-Qala f’Għawdex.
Il-Prim Ministru saħaq li fis-snin imgħoddija in-nies kienu draw li jekk imorru għall-kura l-isptar Mater Dei se jkollhom jistennew; jistennew biex issirilhom xi operazzjoni; u fl-istess waqt il-mediċini li jkollhom bżonn kienu jkunu out of stock.
Saħaq li llum bil-ħidma ta’ dan il-gvern f’dan is-settur il-pazjent sar jinqeda minnufih filwaqt li jsib il-mediċina li jkollu bżonn bla ebda problema.
Huwa spjega kif dan il-Gvern fetaħ l-ewwel ċentru tas-saħħa f’25 sena f’Ħal Kirkop biex issa se jkun segwit bi tlieta oħra, f’Raħal Ġdid, ieħor fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż u ieħor f’Għawdex:
“Ftaħna l-ewwel Ċentru tas-Saħħa f’25 sena prattikament, f’Ħal Kirkop. U issa qiegħdin bix-xogħlijiet biex niftħu tliet Ċentri tas-Saħħa oħra. Xi ħaġa li ħaddieħor kien beda jagħlaq u għalaq għal kollox u l-aħħar Ċentru tas-Saħħa li kien infetaħ kien dak ta’ Ħal Qormi 25 sena ilu.”
Il-Prim Ministru spjega kif sfida oħra hija dik fil-mentalità fejn ninvestu iktar fil-prevenzjoni. Tkellem ukoll dwar kif fi żmien sitt snin f’Mater Dei iridu jiżdiedu 300 sodda oħra.
Huwa spjega kif il-Gvern se jkompli jaħdem biex titnaqqas l-istigma fuq is-settur tas-saħħa mentali. Dan hekk kif se jinbena sptar ġdid f’Mater Dei stess għall-kura mentali akuta. Dan filwaqt li se jinbena sptar ieħor tal-maternità.
Huwa stqarr li filwaqt li l-ewwel xewqa kienet li Monte Carmel jingħalaq għal kollox, l-ewwel pariri wrew li dan ma jkunx għall-aħjar tar-residenti. Għalhekk il-gvern se jinvesti tletin miljun ewro fuq l-isptar Monte Karmeli sabiex jerġa joffri ħajja dinjituża lir-residenti tiegħu:
“Hemm nies illi kważi għamlu ħajjithom hemm ġew u tkun trawmatika illi jiġri xi ħaġa illi ttellef forsi ċerta rutina illi jkun hemm, u għalhekk ha ninvestu. U qed ninvestu €30miljun f’Monte Carmel biex l-infrastruttura bażika ma tibqax sempliċiment li ngħaddu biha.” Huwa stqarr li sfida oħra ta’ dan il-gvern hija l-innovazzjoni f’dan is-settur.
Filwaqt li se tibda ħidma sabiex il-magni kollha tal-isptar Mater Dei jibdew jinbidlu għall-oħrajn ġodda tal-aħħar teknoloġija, l-isptar Mater Dei se jkun wieħed mill-ewwel fid-dinja li se jintroduċi l-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tas-Saħħa.