F’laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Kastilja flimkien mal-UĦM – Voice of the Workers, huwa stqarr li dan il-Gvern se jkun qed jassigura li fil-kuntratti kollha tal-Gvern ikun hemm it-trasparenza b’mod sħiħ filwaqt li dawn il-kuntratti jsiru b’integrità u onestà sabiex fl-aħħar mill-aħħar igawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan kollu għandu jfisser garanzija tas-serjetà ta’ dan il-Gvern.
B’rabta mal-investigazzjonijiet li għaddejjin fil-korp tal-Pulizija, il-Prim Ministru stqarr li l-fatt li l-Korp tal-Pulizija qiegħed jinvestiga lilu nnifsu jfisser li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu, u li d-deċiżjonijiet iebsin qed ikomplu jittieħdu. Il-Prim Ministru Abela stqarr li huwa jħares ’il quddiem sabiex jinħatar il-Kummissarrju l-ġdid tal-Pulizija bis-sistema l-ġdida, filwaqt li ssir riforma fil-Korp tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kunċett ta’ equal pay for jobs of equal value u saħaq li għalkemm fis-Settur Pubbliku dawn ġew indirizzati, jonqos aktar xi jsir, filwaqt li din l-isfida trid tkun indirizzata wkoll fis-settur privat fejn jeżistu dawn ir-realtajiet. Dr Abela sostna li dejjem għandu jkun hemm il-paċi industrijali għax permezz tad-djalogu jkun assigurat dejjem xogħol aħjar.
Dr Robert Abela semma wkoll l-importanza tat-trejdunjoniżmu u saħaq li dan il-Gvern irid jara li jagħti l-għodod kollha meħtieġa biex il-unions ikunu jistgħu jaħdmu b’mod tajjeb.
Fl-aħħarnett Dr Abela għamel referenza wkoll għall-ġudikatura u qal li pajjiżna jgawdi minn ġudikatura tajba filwaqt li taħt dan il-Gvern iddaħħlet sistema ġdida ta’ kif tiġi maħtura l-ġudikatura, li issa se tkompli tiġi msaħħa. Il-Prim Ministru qal li huwa dejjem jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qorti u semma li trid tiġi indirizzata l-problema li hemm numru ta’ kawżi li qed idumu biex jiġu deċiżi.
Min-naħa tiegħu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM – Voice of the Workers, semma punti bħal equal pay for a job of equal value, il-kawżi kostituzzjonali u l-interpretazzjoni tagħhom, il-ġudikatura, il-kuntratti tal-Gvern, u l-funzjoni tal-Awditur Ġenerali.
Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mid-djalogu soċjali.