F’diskors li għamel waqt l-attività fejn il-Partit Laburista qed ifakkar is-sitta u erbgħin anniversarju mill-Ħelsien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela elenka l-kisbiet soċjali ta’ dan il-Gvern, li setgħu biss isiru grazzi għall-ħelsien ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-1979.
“Il-Ħelsien ma kienx biss it-tneħħija tal-forzi militari barranin minn pajjiżna. Il-Ħelsien fisser ukoll ħelsien ekonomiku, u fisser ukoll il-ħelsien fil-ħsieb. Il-Ħelsien tal-imħuħ minn soċjetà li għal ħafna żmien evitat li titkellem fuq il-bżonnijiet ta’ wliedha. U proprju ghalhekk li issa pajjiżna jista’ joħlom mill-ġdid, iħares ’il quddiem u jagħżel liema direzzjoni jixtieq li nimxu fiha.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Hawn fakkar kif minkejja l-kisba tal-Ħelsien aktar minn erbgħin sena ilu, il-ħelsien ekonomiku jrid jibqa’ jinkiseb ta’ kuljum. Dr Abela nnota kif dan ma kienx il-każ fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista meta pajjiżna kellu mat-tmint elef ruħ qiegħda. Ħelsien ekonomiku li reġa’ beda jinkiseb mill-2013 ‘l hawn hekk kif pajjiżna reġa’ beda jimraħ ekonomikament.
Dan il-ħelsien ekonomiku imbagħad jissarraf f’għadd ta’ kisbiet soċjali għal kulħadd.
“Indaħħlu idejna fil-but biex nibqgħu nagħtu ċans aqwa lill-koppji li għandhom sfida ta’ fertilità biex huma wkoll isiru ġenituri, meta ħaddieħor ħallihom jistennew, anzi ġġildulna meta emendajna l-liġi tal-IVF. Daħħalna idejna fil-but ukoll biex daħħalna benefiċċju ġdid kontra l-għoli tal-ħajja li jħallsu kollu l-Gvern b’familji jirċievu mal-elf u ħames mitt ewro oħra fis-sena. Investejna wkoll mhux fl-industrija tal-armi – imma biex qed inħallsu aħna l-kirja f’eluf t’ewro fis-sena għal dawk ta’ qabel l-1995, u salvajna tant nies mill-periklu li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Daħħalna idejna fil-but ukoll biex saħħaħna s-sistema ta’ distribuzzjoni tad-dawl, biex qlibna għall-enerġija li tħammeġ anqas, saħħaħna r-reżiljenza tas-sistema u se nibdew it-tieni interconnector. Żammejna u se nibqgħu nżommu l-kontijiet tad-dawl, gass u fuels stabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Madanakollu dan ma jfissirx li x-xogħol se jieqaf hawnhekk.
“Se nkunu Gvern li jagħti pjan lil Malta għall-ġenerazzjoni li jmiss. Għalhekk li fil-ġranet li ġejjin, se nkunu qed inħabbru l-viżjoni li għandna għal pajjiżna sal-2050. Il-viżjoni li għandna għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, b’miri ċari li rridu nilħqu sal-2035. Din se tkun viżjoni li se tkun imsejjsa fuq is-sabiħ u s-saħħa ta’ dan il-pajjiż. Is-saħħa li toħroġ mill-għaqda fil-familji. Il-bżulija tal-ħaddiema tagħna. Il-patrimonju nazzjonali. L-ambjent naturali. Ir-reżiljenza tal-industrija tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela