F’attività politika fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza li f’pajjiżna jibqa’ jirrenja s-sens komunitarju madwar Malta u Għawdex.
Dan waqt li kien qed jitkellem dwar uħud mill-impenji li kellu matul il-ġimgħa, meta żar bosta inħawi tal-pajjiż u ra diversi proġetti li qed isiru madwar il-pajjiż kollu.
F’dawn iż-żjarat, il-Prim Ministru nnota s-sens ta’ komunità li ra.
Waqt żjara li għamel fil-Belt għall-Pontifikal ta’ San Pawl, qal li ngħatat id-direzzjoni li l-purċissjoni tal-ġimgħa mqassda ssir kif jixraq.
Dan wara li wħud esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-imwejjed u s-siġġijiet armati mill-istabbilimenti tal-ikel fit-toroq li minnha tgħaddi l-purċissjoni.
“Il-messaġġ tiegħi lilhom kien wieħed ċar ħafna. Aħna nemmnu fit-tradizzjonijiet, bħala Gvern tajna direzzjoni mill-iktar ċara lill-awtoritajiet tagħna li l-pruċissjonijiet għandhom isiru fis-sens tradizzjonali mingħajr ebda xkiel.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar għadd ta’ proġetti li taw lura spazji pubbliċi lill-pubbliku, fosthom bħalma qegħdin isiru fil-Kottonera u l-Kalkara.
Huwa attribwixxa t-twettiq ta’ dawn il-proġetti għall-andament ekonomiku b’saħħtu li għandu pajjiżna, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jesperjenzaw pajjiżi oħra.
“Ngħaqqad il-messaġġ tiegħi lilkom illum fi frażi waħda. Irrid komunitajiet li huma b’saħħithom li jgħixu b’serħan il-moħħ u b’ottimiżmu dwar il-futur tagħhom.”