Meta l-Ġimgħa filgħodu żar stabbiliment ewlieni tal-kumpanija Chef’s Choice Ltd f’Wied il-Għajn, il-Prim Ministru Robert Abela seta’ josserva kif, b’investiment ta’ sitt miljun ewro fl-aħħar erba’ snin, il-kumpanija llum tħaddem mitt ħaddiem, numru li mistenni jiżdied b’ħamsin oħra.
Bl-investiment li għamlet fl-aħħar snin, din il-kumpanija llum għandha disa’ stabbilimenti mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Dwar dawn ir-riżultati u prospetti pożittivi, il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern immexxi minnu jemmen fil-potenzjal ta’ Malta u li l-ħidma tiegħu hija ffukata fuq li l-pajjiż ikompli jikber, jissaħħaħ, u joħloq opportunitajiet ġodda.
l-Prim Ministru qal li, kif jixhdu l-miżuri mħabbra fil-Baġit, akbar ma jkunu l-isfidi, akbar il-bżonn li nibqgħu nkunu mal-familji u n-negozji. Huwa għalhekk li l-Gvern qed jibqa’ jwieżen il-familji u jassisti lin-negozji li, b’differenza għal dawk f’pajjiżi oħra, għandhom moħħom mistrieħ bi prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Chef’s Choice Ltd, Joseph Mizzi, irringrazzja lill-Prim Ministru taż-żjara tiegħu u tal-fiduċja li dejjem wera l-Gvern fis-settur privat. F’dan il-kuntest, huwa għamel referenza għan-numru ta’ ħwienet ġodda li hija impenjata li tiftaħ il-kumpanija s-sena d-dieħla.
Waqt iż-żjara tiegħu l-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-deputati tal-Gvern Ray Abela u Katya de Giovanni.