F’intervista waqt attività politika f’Wied il-Għajn, il-Prim Ministru Robert Abela ta aħbarijiet sbieħ għall-Iskalin.
Il-Prim Ministru wiegħed li fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid immexxi minnu, l-art taż-Żonqor li kienet għall-iżvilupp tal-Università Amerikana ta’ Malta se tingħata lura lin-nies.
Qal, “Issa li ttieħdet din id-deċiżjoni, l-għażla hija f’idejn in-nies u jien li nwiegħed huwa li jekk nerġa’ ningħata l-fiduċja fl-ewwel mandat tiegħi bħala Prim Ministru, fl-ewwel mitt jum l-art taż-Żonqor tingħata lura lin-nies.”
Robert Abela spjega wkoll kif beda l-proċess sabiex l-impjant ta’ riċiklaġġ f’Wied il-Għajn jingħalaq u jingħata lura lill-poplu u b’hekk il-familji ikollhom żona miftuħa oħra fil-pajjiż.
Spjega, “Se nkompli nagħti aħbar oħra sabiħa għar-residenti ta’ Wied il-Għajn. Se jibda proċess biex l-impjant ta’ riċiklaġġ jibda jingħalaq. Hemmek ukoll diġa’ bdiet tonqos l-attività relatata mal-ipproċessar tal-iskart u meta jingħalaq il-proċess biex l-impjant ma jibqax jipproċessa aktar skart se jkun ifisser 20,000 metru kwadru ieħor ta’ aktar spazju aħdar għar-residenti ta’ Wied il-Għajn u għall-komunità kollha.”
Hawnhekk il-Prim Ministru, anke b’referenza għall-proposta fil-Manifest elettorali tal-Partit Laburista, qal kif il-politika tal-Partit Laburista hija li tagħti aktar spazji miftuħa lin-nies.
Il-Mexxej Laburista tkellem dwar il-proġett propost ta’ marina u b’mod ċar saħaq li ried jisma’ lin-nies.
Qal, “Għalhekk meta ikkunsidrajna dan kollu, meta bqajna nisimgħu lin-nies nemmen li l-aqwa deċiżjoni fiċ-ċirkostanzi kollha hija li dan il-proġett jieqaf minnufih.”
Dawn l-aħbarijiet pożittivi ntlaqgħu b’ċapċip kbir minn dawk preżenti.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proposti l-oħra li qed jippreżenta l-Partit Laburista fuq tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema u n-negozji.
Intant, Dr Abela qal kif il-Partit Laburista se jibqa’ jagħti serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi li l-ekonomija tal-pajjiż se tibqa’ tikber u b’hekk kulħadd ikollu kwalita ta’ ħajja aħjar.