Il-Prim Ministru Robert Abela ġie ppreżentat b’kopja tal-ktieb ĠORĠ BORG OLIVIER, il-Bniedem, il-Politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti, mill-awtur tiegħu Michael Caruana. Il-preżentazzjoni saret fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Belt Valletta.
L-awtur u l-Prim Ministru tkellmu fost oħrajn dwar ir-relazzjoni tajba li kien hemm bejn Mintoff u Borg Olivier minkejja l-karattru għalkollox differenti taż-żewġ Prim Ministri ta’ Malta.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/15082350/pm-1-1024x783.jpg)
Michael Caruana semma li kif għamel dwar ġrajjiet oħra li jissemmew fil-ktieb tiegħu, hu mhux biss qagħad fuq l-istorja, iżda jsostniha b’xhieda ta’ familjari jew nies li ħadmu ma’ Borg Olivier. Hekk pereżempju għamel dwar ir-relazzjoni tajba li kien hemm bejn Mintoff u Borg Olivier fejn mhux biss jikkwota lil iben Borg Olivier, Peter, u lill-Avukat Victor Ragonesi, li ħadem qrib ħafna tiegħu għal snin twal, iżda wkoll lill-Eks Ministru Laburista Lino Spiteri.
L-awtur semma li l-ktieb inbiegħ kollu u hemm il-ħsieb li jerġa’ jkun stampat fil-ġimgħat li ġejjin.