Taħt xemx tiżreġ, is-Sibt filgħodu ġie inawgurat uffiċjalment il-ground il-ġdid ta’ San Ġwann Football Club, sabiex b’investiment ta’ mitt elf ewro it-tfal kollha li jattendu f’dan il-klabb għadhom issa faċilita ferm aktar moderna u isbaħ.
Għexieren ta’ tfal lebsin il-kulur isfar u blue dalgħodu qamu b’eċitament u tbissima fuq fommhom għax mil-lum għandhom ground b’turf, żrar u lasti ġodda, fejn ser ikunu jistgħu jipprattikaw l-isports tal-ballun f’faċilita aktar komda u sigura.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn ma’ One News saħaq kif il-Gvern qed jaħdem id f’id mal-Assoċjazzjoni tal-Football Maltija sabiex dan l-isports f’Malta jieħu spinta l-fuq.
Is-Segretarju Parlamentari għall-isports Clifton Grima qal kif dan il-ground mhux biss ser igawdu minnu l-plejers tat-tim ta’ San Ġwan iżda wkoll il-komunita
Intant, apposta għal din iċ-ċerimonja attenda wkoll il-plejer ta’ fama mondjali Franco Baresi, l-eks difensur tat-tim tal-Milan u dak Taljan, li sab jilqgħu diversi partitarji tal-Milan biex jakwistaw xi firma jew jieħdu xi ritratti miegħu. L-istilla qal kif il-Maltin laqgħuh tajjeb ħafna filwaqt li faħħar lil-Malta li għalkemm pajjiż żgħir xorta waħda qed isiru proġetti biex it-tfal tagħna jkunu jistgħu jipprattikaw dan l-isports.