Wara l-laqgħa bilaterali li l-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, Dr Abela tkellem dwar kif isem pajjiżna hu rrispettat fix-xena internazzjonali, hekk kif il-Kunsill Permanenti tal-OSCE għadu kemm irrakkomanda li Malta jkollha l-Presidenza ta’ dan il-kunsill minn Jannar li ġej.
Dr Abela tkellem l-għada tal-vot unanimu f’din l-akbar organizzazzjoni dinjija għas-sigurtà reġjonali.
“Tkellimna dwar il-pożizzjoni l-ġdida li pajjiżna mistenni jokkupa mill-1 ta’ Jannar li ġej fi ħdan l-OSCE, iċ-Chairperson in office, li hi kariga prestiġġjuża ferm u tixhed il-fiduċja li għandu pajjiżna u nemmen li ċentrali għal dik il-fiduċja kien il-messaġġ konsistenti li bgħattna, kemm fil-Kunsill tas-Sigurtà, il-Ukraine Peace Formula u anke ħa nkomplu nimbottaw ’il quddiem dan il-messaġġ ta’ riżoluzzjonijiet tal-gwerer u l-konflitti bid-djalogu, mhux billi nitkellmu dwar aktar armamenti. Kelli l-opportunità li nagħmel dan il-punt mal-midja internazzjonali llum. Ejja ma nkomplux nitkellmu dwar żieda fl-armamenti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-kummenti mal-midja, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tad-djalogu biex ma jibqax ikun hemm telf ta’ ħajjiet innoċenti.
“It-talba kienet biex nieħdu din il-kariġa. Vera waslet fl-aħħar, imma aċċettajna mill-ewwel għandna l-kapaċità u l-esperjenza f’dawn il-materji u, fuq kollox, għandna il-fiduċja li waslet għal unanimità fil-vot. Issa kif taħdem l-OSCE, taħdem fuq il-prinċipju tal-konsensus jiġifieri rrid ikollok il-qbil tal-membri fiha meta wieħed jasal għad-deċiżjonijiet hemmhekk fejn pajjiżna jeċċella. Urejniha fir-riżoluzzjoni li ressaqna l-Ġnus Magħquda ġranet ilu, li wasslet biex ikun hemm pawża umanitarja ġewwa f’Gaza kif ukoll ir-rilaxx ta’ ostaġġi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
AQRA AKTAR: