Il-Gvern se jibqa’ jappoġġja l-ekosistema tas-startups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità. Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’diskors fil-ftuħ tal-EU-Startups Summit li qed isir, għall-ewwel darba, f’pajjiżna.
Is-summit, li qed jiġi organizzat f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa bl-appoġġ tal-Malta Enterprise u bis-sehem ta’ aktar minn elfejn persuni, għandu l-għan li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità.
Dan qed iġib flimkien ażjendi u sidien ta’ negozji lokali u barranin taħt saqaf wieħed.
Fil-preżenza ta’ bosta intrapendituri u investituri Ewropej, il-Prim Ministru spjega li dan il-mudell ekonomiku se jkun qed iżid il-produttività, li tissarraf f’impjiegi b’pagi ogħla, aktar ġid u prosperità akbar.
Sostna li, matul is-snin, pajjiżna rnexxielu jattira niċeċ ekonomiċi ġodda, fosthom fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, fil-FinTech, fir-robotika u l-avjazzjoni, fost l-oħrajn.
Hawnhekk Dr Abela sostna kif il-Gvern, immexxi minnu, kompla jgħin lis-startups f’pajjiżna, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, iżda dan ma jistax jingħad l-istess għall-pajjiżi l-oħrajn Ewropej.
Dan, fost oħrajn, bl-assistenza tal-Malta Enterprise fejn l-għajnuna, f’każ ta’ kumpaniji l-aktar innovattivi, tista’ tlaħħaq il-wieħed punt ħames miljun ewro (€1.5 miljun). Il-Malta Enterprise qed taħdem ukoll fuq Startup Framework Nazzjonali bil-għan li kumpaniji simili wkoll jiffaċċjaw inqas burokrazija.
Il-Prim Ministru saħaq li ma kinitx kumbinazzjoni li l-European Start-ups Nation Alliance, l-ESNA, ikklassifikat lil pajjiżna fir-raba’ post fil-lista tal-pajjiżi Ewropej bi startups innovattivi.
Dr Abela qal li dan ir-riżultat hu xhieda tal-isforzi kollha kontinwi biex pajjiżna joħloq l-ambjent ideali għat-twaqqif ta’ start-ups innovattivi li jibqgħu jikbru u jrendu f’Malta.
Temm jgħid li dawn l-isforzi kollha se jagħmlu minn Malta l-aktar pajjiż Ewropew ta’ suċċess għat-twaqqif ta’ start-ups innovattivi u ta’ kwalità.