Wara d-dibattitu fl-Università ta’ Malta, il-Prim Ministru Malti Robert Abela se jkun fi triqtu lejn Pariġi fi Franza.
Dan għal Summit informali tal-Kunsill Ewropew li ser jitlaqqa’ bejn illum u għada, u qed isir ġewwa Franza bħala parti mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Din il-laqgħa ser tkun iddominata mill-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna, wara l-invażjoni Russa u anki l-effetti ta’ din il-gwerra fuq il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan is-summit fil-Palazz ta’ Versailles, li għalih se jkun hemm preżenti s-27 mexxej tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, qed isegwi s-Summit tal-Kunsill Ewropew speċjali fi Brussell, li sar fl-24 ta’ Frar li għadda.
Qabel dan is-Summit, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li hemm tliet għanijiet li l-mexxejja Ewropej irridu jiddiskutu.
Dawn jinkludu s-sigurtà Ewropea, li tonqos id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-enerġija mir-Russja u wkoll anki dwar l-ekonomija.