Il-Prim Ministru l-ġdid Franċiż François Bayrou, li għadu kemm ġie appuntat flok Michel Barnier, beda jiskeda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi l-kbar fl-Assemblea Nazzjonali bħala parti mill-isforzi tiegħu biex jifforma gvern ġdid.
L-ewwel laqgħa tiegħu se tkun mal-kapijiet tal-partit estrem lemini l-RN, Jordan Bardella u Marine Le Pen, li kkritikaw l-ħatra tiegħu imma qalu li l-membri parlamentari tagħhom ma kienux se jimblukkaw il-gvern qabel ma jirrevedu l-proposti.
Wara mistenni jiltaqa’ ma’ Gabriel Attal tal-partit Renaissance segwit mill-kap tal-partit Soċjalista Olivier Faure. Aktar tard se jiltaqa’ miegħu Laurent Wauquiez mill-partit konservattiv Droite Républicaine li qal li l-appoġġ tal-partit tiegħu jiddependi mill-pjanijiet tal-gvern.
Il-partit xellugi estremist La France Insoumise, irrifjuta l-istedina hekk kif il-kap veteran Jean-Luc Mélenchon iddikjara it-taħdidiet bħala kummiedja oħra.
Id-diskussjonijiet mistennija jitkomplew għada t-Tlieta mal-kapijiet ta’ gruppi oħra li jinkludu l-Ħodor, membri tal-partit ta’ Bayrou MoDem, Horizons, il-LIOT, Komunisti u l-grupp UDR immexxi minn Éric Ciotti, eks President tal-Partit Repubblikan.
Il-baġit tal-2025 mistenni jkun is-suġġett ewlieni li se jiġi diskuss mill-Prim Ministru l-ġdid u l-kapijiet politiċi, hekk kif dan kien il-fattur prinċipali tal-waqgħa tal-gvern ta’ Michel Barnier aktar kmieni dan ix-xahar.