Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, iltaqa’ man-nies ta’ San Ġwann: komunità attiva ħafna, b’ċentru kummerċjali bieżel u residenti li jipparteċipaw f’għadd ta’ attivitajiet li jżommu l-lokal ħaj. Dawn l-attivitajiet jinkludu dawk organizzati jew appoġġjati mill-Kunsill Lokali.
Akkumpanjat mis-Sindku, Trevor Fenech, u kunsillieri tal-lokalità, il-Prim Ministru tkellem ma’ bosta residenti, kif ukoll ma’ sidien ta’ negozji żgħar li f’din il-lokalità jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Is-Sindku spjega li, f’San Ġwann, il-Gvern qiegħed jappoġġja għadd ta’ proġetti, b’mod partikolari dawk li joħolqu jew isebbħu spazji miftuħa.
Postijiet mitluqa qed jingħataw dehra ġdida, filwaqt li qed jiġu ppjanati wkoll proġetti li joħolqu spazji fejn m’hemmx, inkluż fejn illum huwa okkupat mill-karozzi.
Fost dawn, is-Sindku Fenech semma l-ispazju mftuħ fi Vjal ir-Riħan, li bil-proġett propost, l-ispazju miftuħ f’din iż-żona se jiżdied bi tliet darbiet.
“Il-proġett George Zarb, fejn qabel kien biċċtejn art, illum ġie spazju miftuħ biex jitgawda minn kulħadd. Baqa’ l-aħħar ftit xogħlijiet hawnhekk, u se jkun qiegħed jinfetaħ fi ftit ġimgħat. Naqra ’l-isfel minn hawnhekk, hawn misraħ ieħor li minn biċċa art abbandunata se nagħtuha lura lin-nies. Qed nikkalkulaw li f’sitta, seba’ ġimgħat oħra jkun lest ukoll ”
Ċentrali f’dan kollu l-konsultazzjoni wiesgħa li qed issir mar-residenti, xi ħaġa li ġiet innotata wkoll waqt iż-żjara li l-Prim Ministru għamel f’San Ġwann.
Din iż-żjara hija waħda minn sensiela li l-Prim Ministru qed jagħmel fil-lokalitajiet u fuq il-postijiet tax-xogħol bil-għan li jisma’ u jifhem ir-realtajiet ta’ persuni minn setturi differenti.
Dan qed isir biex il-Partit Laburista mill-Gvern ikompli jfassal il-politika fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies.