Il-Prim Ministru Franċiż Michel Barnier għandu bżonn miraklu biex jibqa’ fil-Gvern hekk kif għada l-Erbgħa se jkun qed jittieħed vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu.
Din is-sitwazzjoni inqgħalet hekk kif Barnier iddeċieda li jimplimenta l-Artiklu 49.3 tal-Kostituzzjoni, li fi Franza jirreferu għaliha bħala “l-għażla nuklejari”, sabiex jgħaddi abbozz dwar il-baġit tas-sigurtà soċjali mill-Parlament mingħajr ma jittieħed vot.
Wara din il-mossa, kemm l-alleanza tal-partit xellugi Nouvelle Union Populaire kif ukoll dak tal-lemin estrem ir-Rassemblement National (RN) wegħdu li jwaqqgħu l-Gvern.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron, f’Settembru kien apponta lil Michel Barnier għax kien jemmen li hu kien l-unika persuna li seta’ jegħleb vot ta’ sfiduċja fl-Assemblea Nazzjonali Franċiża li hija waħda diviża ferm. Iżda issa l-Prim Ministru qed iħares lejn theddida minn żewġ naħat, kemm mill-alleanza ‘Nouvelle Union Populaire’ kif ukoll ir-’Rassemblement National’ li fuqu hija bbażata il-maġġoranza żgħira tal-Gvern. Nhar it-Tnejn dawn iż-żewġ gruppi ppreżentaw mozzjoni ta’ sfiduċja bl-RN tiddikjara li se tappoġja kwalunkwe vot li jwaqqa’ l-Gvern.
Fil-passat l-artiklu 49.3 kien użat, bl-aktar riċenti s-sena l-oħra meta Macron ried jagħmel riformi iebsa bħaż-żieda fl-età tal-irtirar. Iżda dan il-fatt iġorr ukoll il-konsegwenza li jista’ jittieħed vot ta’ sfiduċja fil-Parlament fejn maġġoranza sempliċi hija biżżejjed biex twaqqa’ l-gvern.