Bl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju aktar qrib, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela kompla jinżel fost in-nies, din id-darba fil-komunitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard.
Hawnhekk sostna kif, l-importanza ta’ jum l-elezzjoni joħroġ mill-fatt li dakinhar il-poplu tagħna se jkun qiegħed jiddeċiedi x’Malta jrid, x’Għawdex irid u x’futur irid, għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna, li jridu jgħixu f’pajjiż isbaħ.
Dan jgħodd ukoll għall-pensjonanti tagħna u jekk dawn iridux imorru lejn id-direzzjoni li kienu jieħdu tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri ta’ pensjonijiet iffriżati jew inkella se jsostnu pensjonijiet li baqgħu jiżdiedu b’saħħa sena wara oħra.
Il-Prim Ministru tenna li min se jivvota favur il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel l-għażla li nżommu fis-seħħ il-politika tal-Gvern, inkluża dik ta’ stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u allura ma jogħlewx.