F’laqgħa mal-Malta Dockers Union, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva lill-ħaddiema tax-xatt bħala frontliers, għaliex qegħdin jassiguraw li pajjiżna jibqa’ jirċievi l-konsenji kollha neċessarji.
Il-Prim Ministru rringrazzja lil kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu mill-portijiet ta’ Malta u t’Għawdex, tas-servizz kontinwu li qed jagħtu b’dedikazzjoni f’pandemija.
Huwa qal li dan is-settur huwa kruċjali għall-pajjiż, u tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jagħti s-sapport kollu li hemm bżonn.
Innota wkoll li l-unjin baqgħet tipprogressa matul is-snin, u dan jixhed il-ħidma intensiva u organizzata ta’ kull min hu nvolut.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Unjin, Ryan Fava, qal li l-għan aħħari jibqa’ l-protezzjoni tal-ħaddiema tax-xatt.
Tenna li l-unjin trid tibqa’ innovattiva biex toffri l-għajnuna li hemm bżonn fix-xogħol marittimu u se tibqa’ timmodernizza biex tilħaq il-ħtiġijiet u s-servizzi għall-operaturi tat-terminals.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.