Il-Prim Ministru kellu laqgħa f’Milan mal-Assolombarda li hija l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan, Monza u Brianza – li lkoll jinsabu fir-reġjun tal-Lombardija fejn jinsabu fost l-akbar industrijalisti fl-Italja. Għal-laqgħa kien hemm preżenti numru ta’ negozji mir-reġjun tal-Lombardija u ġew diskussi l-opportunitajiet li toffri Malta bħala destinazzjoni ta’ negozju.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta għandha waħda mill-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea li qed jaqbeż is-6 fil-mija, jew tliet darbiet ogħla mill-medja Ewropea. Huwa spjega kif dan it-tkabbir ekonomiku qed isir xi ħaġa kontinwa f’pajjiżna. Spjega wkoll kif Malta matul is-sena li għaddiet laħqet surplus fil-finanzi tal-pajjiż u anke li għandna record ta’ nies fis-suq tax-xogħol u record ta’ nuqqas ta’ nies ifittxu x-xogħol.
Joseph Muscat semma kif Malta għandha s-settur tal-manifattura u s-servizzi finanzjarji b’saħħithom u li qed jissaħħu f’ġurisdizzjoni u qafas leġislattiv b’saħħtu ħafna. Semma’ kif Malta qed tattira investiment mill-Asja, l-Istati Uniti u mil-Lvant Nofsani fost oħrajn. Dan qed iseħħ partikolarment minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta viċin is-suq Afrikan.
Dan kollu jista’ jseħħ għax il-klima ta’ negozju f’Malta u l-ekonomija Maltija huma b’saħħtihom u teżisti aġilità leġislattiva biex in-negozju jaħdem f’ambjent leġislattiv komdu. Il-Prim Ministru żied ukoll li Malta għandha relazzjonijiet industrijali stabbli ħafna.
Is-sessjoni kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-Malta Enterprise Mario Galea u ċ-Chairman ta’ Finance Malta Kenneth Farrugia li taw preżentazzjoni dwar dak li toffri Malta bħala destinazzjoni ta’ negozju.
Iktar kmieni l-Prim Ministru żar l-uffiċċju tal-Bank of Valletta ġewwa Milan fejn ingħata spjegazzjoni tax-xogħol li qed isir minn dan l-uffiċċju biex jippromwovi lil Malta. L-uffiċċju tal-BOV ilu għoxrin sena u matul is-snin serva mhux biss bħala mod kif il-BOV joffri servizz fl-Italja, iżda wkoll biex jagħmel promozzjoni għal Malta.
Il-Prim Ministru ntlaqa’ minn Simone Meneghini li jmexxi l-uffiċċju tal-BOV. Meneghini spjega kif Malta llum il-ġurnata sar pajjiż meqjus bħala fost l-aqwa pajjiżi fejn isir in-negozju u kif hemm bżonn ħafna iktar viżibbiltà u għarfien dwar dak li toffri bħala ġurisdizzjoni serja li taħdem bi standards għoljin ħafna tal-Unjoni Ewropea.