Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela pparteċipa f’laqgħa ta’ diskussjoni mal-għaqda mhux governattiva Releaf dwar id-dekriminilizzazzjoni tal-kannabis, fosthom l-użu personali b’mod responsabbli.
Għal-laqgħa attendew ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Rosianne Cutajar u l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja.
Hawn sar aċċenn għall-kontinwazzjoni tar-riċerka u l-edukazzjoni fuq dan is-suġġett. Ġew diskussi wkoll id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom persuni li jinqabdu b’ammonti żgħar ta’ kannabis minkejja li dan ir-reat ġie fil-fatt dipenalizzat.
Dwar dan issemma każ ta’ persuna li minkejja li kellha d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, ma tħallitx tgħaddi mill-ajruport.
Il-membri tal-għaqda Releaf saħqu li dan hu l-mument opportun li tiġi riformata l-liġi dwar l-użu tal-kannabis biex tirrifletti l-bżonnijiet tas-soċjetà llum.