Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom igawdu b’mod sħiħ mill-benefiċċji tas-Suq Waħdieni mingħajr ma jinħolqu distinzjonijiet u żvantaġġi.
Dan hekk kif fil-Berġa ta’ Kastilja, Dr Robert Abela laqa’ lill-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li riċentament inħatar mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea biex iħejji rapport dwar il-futur tas-Suq Waħdieni fl-Unjoni Ewropea, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tiegħu.
Dr Abela semma l-importanza tal-konnettività għal pajjiż fil-periferija, bħal Malta, waqt li aċċenna dwar il-bżonn ta’ kundizzjonijiet li jiggarantixxu ekwità fis-Suq Waħdieni, fosthom aċċess mingħajr xkiel għal mediċini.
Dwar is-settur tal-aħħar, Dr Abela qal li għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji biex jiġi assigurat aċċess ġust għall-mediċini għal kulħadd.
Il-Prim Ministru laqa’ x-xogħol li qed jagħmel Letta hekk kif mistenni jħejji rapport komprensiv, frott diskussjonijiet mhux biss mal-istituzzjonijiet Ewropej, iżda anke b’taħditiet mal-Gvernijiet rispettivi tal-istati membri.
Hawnhekk Dr Abela tenna il-ħtieġa ta’ leġislazzjoni aħjar li tqis l-impatt fuq kull stat membru u li fl-analiżi tal-impatt tikkunsidra il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.
Semma bħala eżempji leġislazzjonijiet ambjentali riċenti bħad-Direttiva Ewropea FIT for 55 u l-Pakkett ta’ Mobbiltà, b’parti minn dan tal-aħħar riċentament iddikjarata f’opinjoni tal-Avukat Ġenerali quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropew bħala żball li għandu jiġi null.
Il-Prim Ministru sostna li hemm bżonn ħtieġa ta’ proċess leġislattiv aħjar li jqis każi partikolari ta’ stati membri bħal Malta.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Intrapriża Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Engaging discussions with @EnricoLetta on the future of the Single Market delved into topics such as aviation, maritime & the pharmaceutical industry. It is imperative to ensure that every European citizen can reap the advantages of the Single Market without any distinctions. -RA pic.twitter.com/6IlxGNs0qZ
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) January 8, 2024