Il-Prim Ministru Malti Robert Abela saħaq favur ħidma bejn pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u dawk li huma d-destinazzjoni fl-immigrazzjoni. Dan biex il-pajjiżi bejniethom ikunu f’punt fejn bi żviluppi ekonomiċi sostenibbli, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun amministrata aħjar.
Dan waqt li matul il-jum tal-Ħadd ħa sehem f’konferenza internazzjonali li tlaqqgħet f’Ruma, li għaliha kien hemm preżenti mexxejja ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tal-Afrika, pajjiżi oħra fil-Mediterran u dawk fil-Golf Għarbi. Dan flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali u mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, fejn preżenti kien hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropea, Charles Michel.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li rridu nħarsu lejn l-Afrika bħala sieħeb ugwali għall-Ewropa f’koperazzjoni ekonomika bbażata fuq rispett.
Dr Abela faħħar l-inizjattiva tal-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni li tlaqqa’ konferenza li ttella’ fuq l-aġenda l-koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi oħra lil hinn mill-kontinent Ewropew, fosthom ma’ pajjiżi Afrikani. Huwa sostna li dan kollu huwa konformi wkoll mal-pożizzjoni konsistenti li ilha timbotta Malta fuq l-immigrazzjoni.
Il-Prim Ministru qal “Meta aħna konna nitkellmu sa mill-2020 u naturalment anki ż-żmien ta’ qabel u wkoll pressjonijiet kbar fuq ix-xtut tal-Afrika ta’ Fuq, ta’ mijiet ta’ eluf ta’ immigranti, litteralment li kienu lesti biex jitilqu minn dawk ix-xtut u jfittxu futur għalihom, konna qed nitkellmu dak li kellna quddiem għajnejna li qed jiġri. Għaliex aħna l-preżenza tagħna f’dan is-suġġett, ma konniex nitkellmu biss iżda morna fuq fejn is-sorsi ta’ immigranti li qed jaqsmu lejn pajjiżna, lejn l-Italja, lejn pajjiżi oħrajn u morna hemmhekk u s-soluzzjonijiet fittixnihom on the ground.”
Il-Prim Ministru Malti rrimarka li jrid jibqa’ jkun hemm messaġġ ċar kollettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin quddiem realtajiet koroh li kien hemm fil-Mediterran fejn nies vulnerabbli tilfu ħajjithom. Sostna wkoll li r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li ma ħaqqhomx l-ażil trid issir b’mod effikaċi u sigur.
Il-Prim Ministru saħaq li “Il-mument ewlieni kien li rridu niġġieldu dawn iċ-ċrieki ta’ kriminalità organizzata l-ewwel, imbagħad li rridu ninvestu fil-pajjiżi tal-oriġini u anki f’dawk il-pajjiżi ta’ tranżitu, imma partikolarment f’dawk il-pajjiżi tal-oriġini li minnhom jitilqu l-immigranti, ninvestu hemmhekk u allura meta inti qed tinvesti u tagħti l-opportunitajiet liż-żgħażagħ t’hemmhekk li ma jkollhomx il-bżonn li jitilqu minn dawk il-pajjiżi u jagħmlu vjaġġi li huma perikolużi ħafna fit-tfittxija. Hemmhekk inti fejn verament bdejt tindirizza l-problema mill-għeruq.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-qalba ambjentali torbot mal-koperazzjoni ekonomika bejn pajjiżi differenti u din trid issir bi sħab mas-settur privat li huwa sieħeb strateġiku fit-tranżizzjoni ekonomika li għandha ssir biex jinħolqu aktar opportunitajiet u impjiegi ta’ kwalità li jgħinu lil kulħadd, inkluż il-prospetti ta’ ċittadini f’pajjiżhom stess, li llum iħarsu lejn l-immigrazzjoni irregolari bħala l-uniku triq.
Fi tmiem il-Konferenza, il-Mexxejja qablu fuq numru ta’ konklużjonijiet fosthom dwar it-twaqqif tal-‘Proċess ta’ Ruma’, qafas importanti għall-implimentazzjoni ta’ ħidma kollettiva favur stabbiltà u żvilupp ekonomiku, filwaqt li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mill-għeruq. Dan apparti l-implimentazzjoni tal-obbligi dikjarati fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
Constructive discussions with Leaders participating in the Rome Int. Conference on development & migration. 🇲🇹’s position is that a comprehensive approach is needed through which economic growth & stability make migration an option & not a necessity. – RA pic.twitter.com/G7luV2MkYg
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 23, 2023