Hawn serenità fost il-poplu Malti u Għawdxi
Fost il-familji Maltin u Għawdxin hawn sens ta’ serħan il-moħħ għaliex jafu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Esprima dan b’ kunfidenza l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar attività politika għas-sena 2016, fiċ-Ċentru Laburista tal-Ħamrun.
“Mhux biss aħna nħasrsu l‘ quddiem b’serenità kbira lejn il-futur tal-pajjiż imma fost il-poplu tħossha”
Is-sitwazzjoni hija aħjar milli kienet tliet snin ilu u l-problemi li għad fadal mhux solvuti, bħall-faqar, il-bżonn taż-żieda fil-paga minima, l-ambjent, fost oħrajn bdew jiġu indirizzati. Dan għaliex, saħaq Muscat, qatt ma nkunu kuntenti b’li ksibna, imma għandna nħarsu ‘l quddiem biex niksbu iktar għall-familji u n-negozji tagħna.
Ċertifikat internazzjonali mera ta’ li jħossu n-nies
Muscat fakkar kif fil-passat, esperti barranin kienu jinnotaw titjib ekonomiku, iżda n-nies mhux talli ma kienux iħossu titjib iżda talli kellhom iħallsu iktar biex jiddajfu l-problemi finanzjarji tal-pajjiż. Issa l-folja inbidlet kompletament għaliex in-nies qed igawdu fl-istess waqt li l-problemi finanzjari tal-pajjiż qed jissolvew.
“Issa nimlew ħajt sħiħ biċ-ċertifikati li tawna minn barra. Id-differenza hi li mhux qed iħallsu n-nies għaċ-ċertifikati!”
Il-problema tad-defiċit tnaqqset, mhux billi ħallas il-poplu imma billi tkabbret l-ekonomija, iktar nies tħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol, naqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, naqset ir-rata tal-income tax, sostna l-mexxej tal-Partit Laburista.
Il-problema tal-penzjonijiet ma kinitx indirizzata billi żdiedet il-bolla jew għoliet l-età tal-irtirar, fakkar Muscat, anzi l-unika ħaġa li żdiedet kienet il-penzjoni minima nazzjonali.
L-IMF jinnotaw li r-riżultat miksuba ġew bl-għażliet tal-Gvern
L-ewwel ħaġa li nnotat l-IMF kienet il-bidla fid-direzzjoni li għamel il-poplu Malti u Għawdxi u li qed igawdu minnha permezz ta’ Gvern ġdid. Ir-rapport qatel għal kollox l-idea li r-riżultati t-tajbin tal-lum huma minħabba xi deċiżjonijiet kuraġġjuzi li saru qabel, saħaq il-Prim Ministru.
“Ir-riżultati tajbin huma frott id-deċiżjonijiet li saru illum”
Ir-riżultat, imsejjaħ “eċċeżżjonali mill-IMF” huwa xhieda ta’ kif dan huwa wieħed mill-ftit gvernijiet li għandu idu fuq il-polz tal-poplu, stqarr Muscat.
“Ma ninħbewx meta naraw li hemm affarijiet li hemm bżonn li jitjiebu- anzi nixprunawha dik il-bidla u ninkoraġġuha.”
Eżempju ta’ tali bidla li semma’ l-Prim Ministru hija ż-żieda fil-paga minima, fejn fil-baġit għas-sena d-dieħla, l-għotjiet għal min għandu paga minima żdiedu tal-inqas b’€4, u f’ bosta każijiet iktar. Iżda fid-dawl tal-bżonn ta’ bidla fis-sistema, il-gvern ta’ ċans lill-imsieħba soċjali biex jipprovaw isibu soluzzjoni bejniethom, biex b’hekk il-Gvern ma jaġixxix waħdu.
Bħal familja li ġġemma’ bil-għaqal
Il-Prim Ministru ġab l-eżempju ta’ familja, li tagħmel lista ta’ prijoritajiet u tuża d-dħul tagħha bil-għaqal. Bl-istess mod jimxi l-pajjiż.
“Konna responsabbli u l-ewwel pajjiżna ġab ix-xogħol, qagħad attent u żamm il-kontijiet”. Malli l-Gvern irnexxilu jaqla’ iktar flus milli qed jonfoq, b’ mod responsabbli qassam il-ġid skont il-prijoritajiet fisser Muscat.
L-ikbar prijorità kienet l-investiment fl-istrattura tal-qasam tal-enerġija, biex ikollna powerstation li ma taħdimx b’ heavy fuel oil.
“Bidla li tajtuna l-ikbar mandat elettorali fl-istorja indipendentista ta’ pajjiżna biex isseħħ.”
Qatt m’aħna se nistrieħu milli nġibu iktar xogħol
Il-Prim Ministru irrikonoxxa li l-problema issa hi li mhemmx biżżejjed nies għall-ammont ta’ postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu. Iżda fakkar li qatt m’hu biżżejjed għaliex mhemmx garanzija li b’ deċiżjonijiet ta’ kumpaniji barranin li joperaw minn pajjiżna l-impjegati jsibu ruħhom bla xogħol.
Iżda anka meta dan jiġri, innota Joseph Muscat, in-nies mgħadhomx jinkwetaw, għax għandhom rashom mistrieħa li se jsibu xogħol ieħor bla problemi.
“Qatt ma rridnu nkunu xebagħna għall-pajjiż”
Joseph Muscat sostna li qatt ma tista’ tkun ambizzjuż iżżejjed u li pajjiżna ma mexiex ‘l quddiem meta ħaddieħor qal li aħna żgħar wisq.
“Il-poplu jista’ jikseb affarijiet ikbar, affarijiet ġodda, jista’ jikseb dejjem aktar”
Fl-aħħarnett ingħaqad mal-appell ‘sensat’ tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għall-għaqda.
“In-nies qed jistennew min għandna ferm u ferm aħjar” saħaq Muscat.
“Inwegħdkom sena oħra ta’ ħafna u ħafna ħidma!”
L-aħħar attività politika tal-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru għalaqha billi wiegħed li l-Gvern se jimpenja ruħu f’iktar ħidma għall-għaqda u għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.