Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fir-Renju Unit, hekk kif illum qed jattendi għar-raba’ laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea.
Għal din il-laqgħa se jkun hemm preżenti 47 mexxej Ewropew, kemm mis-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea u anki minn pajjiżi li mhumiex stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit Keir Starmer se jilqa’ lill-mexxejja Ewropej fil-Palazz ta’ Blenheim f’Oxfordshire, il-post fejn twieled l-eks Prim Ministru Brittaniku, Winston Churchill.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej hemm il-gwerra fl-Ukrajna u anki sfidi li ġabet magħha fil-kontinent Ewropew. Fost dawn hemm l-enerġija u l-migrazzjoni.
Bħala parti minn din il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej se jiltaqgħu wkoll mar-Re tar-Renju Unit, Karlu III.
Din il-laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea ssegwi dawk li saru fir-Repubblika Ċeka, fil-Moldova u fi Spanja. Il-Komunità Politika Ewropea bdiet wara qbil li kien hemm bejn il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-għan tagħha hu li l-kontinent Ewropew ikun magħqud wara li bdiet l-invazjoni Russa fl-Ukrajna, madwar sentejn u nofs ilu.