Ftit tas-sigħat ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħalla pajjiżna lejn Chișinău, il-belt kapitali tal-Moldova.
Hemmhekk, il-Prim Ministru Malti se jkun fost 47 Mexxej ta’ pajjiżi fl-Ewropa għat-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea.
L-ewwel Laqgħa ta’ din il-komunità kienet saret f’Ottubru li għadda fi Praga u issa jmiss li dan jitlaqqa’ fil-Moldova, pajjiż b’aspirazzjonijiet Ewropej, tant li fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju li għadda, il-Moldova ngħatat status ta’ kandidat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
F’pajjiż bi fruntiera mal-Ukrajna, fil-Moldova, il-Mexxejja Ewropej, mhux biss tas-27 stat membru, mistennija jiddiskutu kwistjonijiet kurrenti fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, l-enerġija u s-sigurtà. Mistenni wkoll jingħata appoġġ lill-Moldova u lill-President tal-pajjiż Maia Sandu biex pajjiżha jkompli bit-triq ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Malti mistenni wkoll jipparteċipa f’diskussjonijiet marbuta mal-enerġija u l-konnettività.
Il-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea, imnebbħa mill-President Franċiż Emmanuel Macron se ssir fil-Kastell Mimi, ftit ’il barra mill-kapitali.
In Chișinău, Moldova, for the 2nd #EPC Summit. Discussions to focus on key issues including energy & connectivity. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 31, 2023
Positive exchanges at the Presidential Palace in Chișinău ahead of the 2nd #EPC Summit. – RA pic.twitter.com/8aX37ph5Xv
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 31, 2023