Wara li l-poplu għarbel il-baġit għall-elfejn u dsatax, u l-unjins u l-imsieħba soċjali wkoll qalu tagħhom dwar il-pjani tal-Gvern għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Joseph Muscat mar barra l-pajjiż biex iġib aktar investiment lejn pajjiżna.
Dan ħalli jkompli jinħoloq aktar ġid li mbagħad jinfirex fost il-Maltin u l-Għawdxin.
F’kollegatament telefoniku fuq ONE Radio miċ-Ċina l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fis-sigħat li għaddew kien Londra fejn tkellem ma’ investituri li diġà ġejjin Malta u oħrajn li qed jiddeċiedu biex jiġu Malta;
F’kollegament fuq ONE Radio l-Prim Ministru qal: “Fis-sigħat li għaddew kont Londra fejn tkellimt ma’ investituri li diġa’ ġejjin Malta, oħrajn li qed jiddeċiedu biex jiġu Malta u qed nara l-potenzjal li jeżisti għal dan il-pajjiż.”Fiċ-Ċina mbagħad se jerġgħu jsiru taħdididet mal-Gvern Ċiniż dwar kif Malta tista’ tkun kalamita ta’ investiment mill-Asja stess.
“Se nkunu qegħdin ukoll niffirmaw ftehim ieħor mal-gvern Ċiniż biex inkomplu nagħtu framework dwar kif l-investiment se jibqa’ ġej f’pajjiżna. Pajjiżna qed iservi ta’ pont għall-investiment fl-Ewropa u fil-Mediterran,” spjega l-Prim Ministru.
Mistoqsi dwar id-diskorsi tiegħu u l-Kap tal-Oppożizzjoni iktar kmieni din il-ġimgħa l-Prim Ministru qal: “Jien nemmen li huwa l-poplu Malti u Għawdxi, il-familji u n-negozji li għandhom jagħmlu r-riflessjonijiet tagħhom dwar il-viżjonijiet differenti ħafna li esprimejna fil-parlament. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu bżonn min ikompli jgħamillu l-fiduċja biex ikompli jimxi ‘l quddiem.”
Joseph Muscat tkellem dwar kif l-iktar ħaġa importanti hi kif il-ġid li qed jinħoloq jasal għand in-nies. Semma kif in-nies qed jgħixu s-suċċess. “Permezz ta’ dan il-ġid iktar minn 16,000 familja se jgawdu miż-żieda fiċ-childrens allowance. Permezz ta’ dan il-ġid li iktar minn 200,000 ħaddiem se jerġgħu jieħdu ċekk bir-rifużjoni tat-taxxa, permezz ta’ dan il-ġid li 92,000 anzjan se jerġgħu jieħdu żieda fil-pensjoni,” qal il-Prim Ministru li tkellem ukoll dwar kif statistika minn dokument tal-oppożizzjoni stess tikkonferma r-riżultati li qed jinkisbu.
“L-istatistika li kwotajna fil-parlament kienu wkoll numri minn document tal-oppożizzjoni stess u minnu jirriżulta ċar u tond li naqas il-faqar, li ż-żieda fl-ogħli tal-ħajja matul il-leġiżlaturi ta’ dan il-gvern kienet inqas min ta’ leġiżlaturi ta’ qabel u n-numri ta’ barranin li jaslu f’pajjiżna huma ferm inqas minn dak li jikkwota l-Kap tal-Oppożizzjoni,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif il-gvern huwa ffokat fuq il-bidla li hemm bżonn.
Fost oħrajn irrefera għal bidla fis-settur tal-iskart fejn qed issir bidla kulturali.
“Għalija huwa suġġett importantissimu għax il-fatt li l-familji Maltin u Għawdxin minn din il-ġimgħa qed jiġu mitluba biex jisseparaw l-iksart organiku jista’ jwassal biex 45% tal-iskart li niġġeneraw aħna ma jibqax jintrema kif qed jintrema llum fil-miżbla,” tenna l-Prim Ministru li esprima sodisfazzjon għall-kampanja ta’ edukazzjoni li qed issir.
Tkellem ukoll dwar kif Malta qed tingħata pubbliċita f’setturi ġodda.
Fosthom b’referenza lejn kif 8,500 persuna minn madwar id-dinja ġew biex jaraw kif pajjiżna qed jippromwovi u jirregola l-blockchain.
“Jien nemmen li minn konferenzi bħal dawn mhux sempliċiment jiġu n-nies u jimlew il-lukandi tagħna imma jiġu n-nies, jaraw il-potenzjal tal-pajjiż, jiftħu kumpaniji Malta, joħolqu l-ġid u jsiru parti mis-sistema ta’ dan il-pajjiż li qed twassal biex is-suċċess jasal għand kulħadd,” qal il-Prim Ministru.