Aktar tard illum, il-Prim Ministru Robert Abela se jieħu sehem f’Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
F’dan is-summit informali li se jsir bejn illum u għada, hemm temi kurrenti u oħrajn li jolqtu b’mod partikolari lil pajjiżna.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej hemm il-kompetittività u s-Suq Waħdieni. F’dan ir-rigward, pajjiżna ilu jaħdem mill-qrib ma’ negozjaturi Ewropej fejn insista li minn dan is-Suq kulħadd għandu jgawdi l-istess.
Fost oħrajn, pajjiżna ħadem biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċini jiftħu l-aċċess għall-prodotti farmaċewtiċi tagħhom għall-pazjenti f’kull stat membru tal-Unjoni Ewropea.
F’dan is-Summit, l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta se jkun qed jippreżenta r-rapport li għamel. Hu tqabbad mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel rapport dwar il-futur tas-Suq Uniku.
F’Jannar li għadda, Letta kellu laqgħa flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, fejn iddiskutew dan ir-rapport li kien qed jiġi mħejji.
F’din il-laqgħa l-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani. Dan wara l-attakk tal-Iran fuq Iżrael.
Fl-aħħar Summit tal-Kunsill Ewropew, li seħħ xahar ilu, il-mexxejja Ewropew qablu li jkun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaza, fejn minn Ottubru li għadda, inqatlu aktar minn 33,000 persuna.
Matul din il-laqgħa se jkun hemm diskussjoni wkoll dwar l-Ukrajna u t-Turkija. Dwar dan tal-aħħar, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.
In Brussels for #EUCO Summit. Key talks on economy & competitiveness issues, Ukraine, Turkey & the Middle East. 🇲🇹 will continue to advocate for peace & equal access to the Single Market for all European citizens. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) April 17, 2024