Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell sabiex jattendi għal Summit tal-Kunsill Ewropew, li se jibda llum waranofsinhar u jkompli għada.
Fost it-temi prinċipali fuq l-aġenda tas-27 mexxej Ewropew hemm l-għażla tal-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin, li huma r-rwoli tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika ta’ Sigurta.
Bil-mexxejja Ewropej iltaqgħu fi Brussell, il-ġimgħa l-oħra sabiex jibdew jiddiskutu għal dan il-għan. Iżda, eventwalment, ma kien hemm l-ebda qbil bejn il-mexxejja.
Rapporti fil-midja internazzjonali rrapportaw kif fl-aħħar jiem kien hemm qbil bejn in-negozjaturi ta’ pajjiżi differenti biex il-President tal-Kummissjoni Ewropea terġa’ tkun Ursula von der Leyen, l-eks Prim Ministru Portugiż Antonio Costa se jkun President tal-Kunsill Ewropew, waqt li l-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas se tkun ir-Rapprezentant Għoli tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja dan il-qbil, il-Prim Ministru Taljana, Giorgia Meloni qalet li ma taqbilx dan il-ftehim, hekk kif sostniet li dan ma jirrappreżentax dak li qalu ċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, aktar kmieni dan ix-xahar.
Skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, il-mexxejja Ewropej għandhom jaqblu. Bil-mexxejja Ewropew m’għandhomx poter biex jagħżlu l-President tal-Parlament Ewropew, għaliex dak hu f’idejn il-Membri Parlamentari Ewropej.
Fuq l-aġenda tal-mexxejja f’dan is-Summit hemm ukoll il-gwerrer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani. Mal-mexxejja Ewropej għal bidu ta’ dan is-Summit se jkun hemm preżenti l-President Ukren Volodymr Zelensky. Id-diskussjoni dwar l-Ukrajna se tkun qed issir hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea bdiet in-negozjati mal-Ukrajna u l-Moldova biex isiru stati membri tal-istess Unjoni.
Suġġetti oħra fuq il-mejda tad-diskussjoni tal-mexxejja Ewropej hi l-migrazzjoni u l-kompettitivita, fost oħrajn.
Fl-ittra ta’ stedina lill-mexxejja Ewropej, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel appella biex ikun hemm qbil bejn il-mexxejja, biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ miexja ’l quddiem f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi.
In Brussels for #EUCO focusing on a number of topics, including the next institutional cycle, competitiveness, Ukraine & the Middle East. A lasting & sustainable peace is essential for Europe's stability. Let's keep striving towards it. – RA pic.twitter.com/Sx72XGi6WZ
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) June 27, 2024