Il-Prim Ministru Robert Abela qed jieħu sehem fit-tielet Summit tal-Komunità Politika Ewropea, li qed isir fil-belt ta’ Granada, fi Spanja.
Hawnhekk, il-Prim Ministru Malti qed jattendi fost sebgħa u erbgħin mexxej ta’ pajjiżi fil-kontinent Ewropew.
L-ewwel laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea kienet saret fir-Repubblika Ċeka sena ilu u t-tieni laqgħa saret f’Mejju li għadda fil-Moldova.
Dan is-summit għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ id-djalogu u l-koperazzjoni bejn is-27 stat membru fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħrajn Ewropej li mhumiex, waqt li jkompli jimmira li tissaħħaħ is-sigurtà u l-istabilità tal-kontinent kollu, mhux l-inqas illum il-ġurnata waqt gwerra fil-Lvant Ewropew.
Il-midja internazzjonali rrapportat li l-aġenda tas-summit kienet iddominata mill-migrazzjoni, suġġett li kien enfasizzat ħafna fil-laqgħa għolja tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Mediterran tal-Unjoni Ewropea, li saret f’pajjiżna nhar il-Ġimgħa li għadda.
Fost dawk l-aktar voċiferi dwar dan is-suġġett fi Spanja hemm il-Prim Ministru Taljan, Giorgia Meloni, fl-istess ton kif il-mexxejja tal-MED 9 qablu f’Malta, jiġifieri li jkun hemm rispons immedjat mill-Unjoni Ewropea għall-isfidi tal-wasliet fil-Mediterran.
Preżenti għas-Summit kien hemm ukoll il-President Ukren Volodymr Zelensky, li tenna li jekk ir-Russja tirbaħ l-Ukrajna, din tispiċċa tattakka pajjiżi oħrajn Ewropej, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Sadanittant, il-Ġimgħa, fi Granada se ssir il-laqgħa informali bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, li biex jittrattaw l-isfidi li għandhom quddiemhom, inkluża l-migrazzjoni, kif ukoll iż-żieda ta’ pajjiżi ġodda fl-Unjoni Ewropea u l-qalba ekoloġika u diġitali.
Dan is-summit, fejn qed jattendi l-Prim Ministru Malti, se jkun qed isir qabel il-laqgħat formali bejn il-mexxejja aktar tard dan ix-xahar u f’Diċembru li ġej.
Attending the #EPC Summit & Informal #EUCO in 🇪🇸. Discussions to focus on making Europe more resilient, prosperous and geostrategic, and on the priorities for the years ahead in preparation of the EU’s next strategic agenda. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 5, 2023