Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal Summit tal-Kunsill Ewropew matul il-ġurnata tal-Ħamis.
Hawnhekk is-sebgħa u għoxrin mexxej tal-pajjiżi Ewropej mistennija jiddiskutu l-pandemija tal-Covid-19.
Dan hekk kif il-pajjiżi Ewropej qed jesperjenzaw żieda fil-każijiet pożittivi u anke minħabba li feġġ il-varjant il-ġdid, l-Omicron.
Hawnhekk il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu l-importanza tal-vaċċin fil-ġlieda kontra l-pandemija u anke dwar il-validità taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Dwar dan tal-aħħar, l-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jiskadi disa’ xhur wara li wieħed jieħu ż-żewġ dożi u jġedded meta wieħed jieħu l-booster.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-prezzijiet tal-enerġija, li dawn għolew b’mod allarmanti madwar il-pajjiżi Ewropej.
Fuq l-aġenda hemm ukoll l-immigrazzjoni.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu s-sitwazzjonijiet fil-Belarus, fl-Ukrajna u anke l-preparazzjonijiet tas-Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, li se jsir fi Frar li ġej.