Il-Prim Ministru Malti, Robert Abela, jinsab fi Brussell biex jattendi Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew.
Dan is-Summit se jkun qed jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Dan is-Summit kien mitlub mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, l-Erbgħa wara nofsinhar.
Qabel dan is-Summit li se jibda fit-8pm, il-mexxejja Ewropej ħarġu jikkundannaw l-atti mir-Russja fuq l-Ukrajna.
F’dan is-Summit, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu aktar miżuri għall-aktar kooperazzjoni mal-alleati Ewropej fosthom l-Istati Uniti u n-NATO.
Il-mexxejja Ewropej se jitkellmu dwar l-azzjonijiet li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fuq ir-Russja, fosthom sanzjonijiet.
F’dan is-Summit speċjali se jkun diskuss ukoll kif l-Unjoni Ewropea se tagħti l-appoġġ lill-Ukrajna.
Intant qabel ma ħalla Malta għal Brussell, f’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Malti saħaq fuq in-newtralità ta’ pajjiżna u qal li mal-mexxejja Ewropej se jimbotta għall-paċi.
Quddiem il-prezz internazzjonali taż-żejt li kompla jogħla minħabba l-kriżi fl-Ukrajna, il-Prim Ministru Malti qal li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jżomm stabbli l-prezz tal-enerġija f’pajjiżna.