Is-saħħa tal-valuri komuni għandha twassal għal aktar koperazzjoni u għal aktar opportunitajiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif matul il-jum tat-Tlieta attenda għal laqgħa għolja fi Brussell bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-Amerika Latina u dawk tal-Karibew.
F’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, waqt din il-laqgħa għolja, il-mexxejja tkellmu dwar l-ekonomija, il-kummerċ u l-potenzjal ta’ impjiegi, iżda t-tema ewlenija kienet dik tal-ambjent.
Hawnhekk Dr Abela tkellem dwar kif fil-jum tat-Tlieta daħal fis-sħiħ l-avviż legali, li se jdaħħal il-liċenzja tal-kuntratturi, biex għall-ewwel darba fl-istorja pajjiżna qed jirregola dan is-settur.
Hawnhekk huwa semma kif f’pajjiżna għaddej b’ħidma għall-impjant biex l-iskart jinqaleb f’enerġija.
“Fejn qabel il-proċess tradizzjonali ta’ kif wieħed jittratta l-iskart f’pajjiżna kien kif se nwessgħu l-miżbliet u dejjem inkabbru l-miżbliet u nieħdu aktar art verġni, illum, fost oħrajn, hemm proċess tal-Waste-to-Energy, li jinsab għaddej u hu proġett li jinsab fl-istadju ta’ procurement, għandna l-fażi ta’ skavar li hi diġà lesta.”
Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela
Dr Abela semma wkoll il-proġett tal-Multi Material Recycling Facility, li permezz tiegħu dak li kien jispiċċa f’miżbla, issa qed ikun irriċiklat.
Semma wkoll il-proġett tax-Shore-to-Ship, li permezz t’hekk il-bastimenti se jieħdu d-dawl mill-provvista tal-enerġija minn fuq l-art u b’hekk jitfu l-magni u jitnaqqas it-tniġġis.
“Viżjoni ħolistika, miżuri ħolistiċi, bħalma huma l-proġetti ta’ spazji miftuħa. Hemmhekk qegħdin nitkellmu fuq ambizzjoni li hija waħda b’saħħitha ħafna, bdejna bit-twaqqif tal-aġenzija, niedejna l-ewwel sett ta’ proġetti, ta’ spazji ħodor u miftuħa. Hemm wegħda ċara fil-manifest elettorali. Dik determinati li nwettquha, fiha ħafna xogħol, fiha ħafna ħidma, imma nemmen li dak jixraq lill-poplu tagħna: ambjent san jibqa’ ta’ prijorità għalina, dak l-ambjent san irid jikkonverti ruħu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna.”
Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela
Il-Prim Ministru kkonkluda li dan is-summit kien wieħed ta’ importanza fl-isfond tal-kuntest ġeo-politiku u qed juri kif relazzjoni b’saħħitha bejn il-pajjiżi mhux biss twassal għal aktar stabbiltà u paċi, iżda tindirizza wkoll sfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent, waqt li tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.
Sadanittant, fil-marġini ta’ dawn il-laqgħat, il-Prim Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Guyana.
Matul din il-laqgħa ġiet diskussa aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi bħala pajjiżi membri tal-Commonwealth u l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ relazzjonijiet bilaterali formali bejn iż-żewġ pajjiżi.