Il-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, qed jiltaqgħu f’Tallinn, l-Estonja, bil-għan li sas-sena ddieħla l-Unjoni Ewropea jkollha suq diġitali uniku. Biex bl-istess mod li l-Unjoni għandha suq wieħed komuni, anke s-suq diġitali jkun wieħed magħqud, u mhux kull pajjiż jilleġisla u jmexxi għal rasu. Dan ifisser regolamenti li jmorru lil hinn mill-konfini tal-pajjiżi individwali, b’benefiċċji għall-konsumaturi, kif ukoll għall-ħaddiema fl-industrija.
L-għan wara din il-laqgħa u t-twaħħid tas-suq diġitali hu li wara t-tensjonijiet li għaddiet minnhom l-Ewropa, inkluż l-elezzjonijiet importanti fi Franza u l-Ġermanja, ikun hawn tisħiħ u tkabbir. Partikolarment fis-suq diġitali fejn hemm opportunitajiet kbar li jistgħu jkunu sfruttati. Fost il-mistoqsijiet li l-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu hemm il-futur diġitali Ewropew, il-provvista ta’ ħaddiema b’ħiliet fis-suq diġitali, u iżjed.
Il-laqgħa fl-Estonia qed iġġib flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet ewlenin Ewropej. Laqgħa li qed issir fl-Estonia, hekk kif dan il-pajjiż għandu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.