Illum il-Prim Ministru, Joseph Muscat, se jieħu sehem f’dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.
Dan id-dibattitu huwa instigat mill-membri tal-Parlament Ewropew tal-partit Nazzjonalista u pinġewh daqslikieku wieħed qed jitkellem dwar xi pajjiż mhux demokratiku.
Dan rabtuh ukoll mal-kontroversja tal-Panama Papers u x-xewqa tagħhom kienet li d-dibattitu dwar Malta jsir tul il-kampanja elettorali biex jagħmlu kemm jista’ jkun ħsara lill-Gvern u konsegwenza ta’ hekk lil pajjiżna.
Iżda, il-konferenza tal-Presidenti tal-gruppi fil-Parlament Ewropew ma kinetx waqgħet għal din in-nassa għalkollox u d-dibattitu kien skedat għal lum.
Jirriżulta li se jkun hemm stqarrija mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat mill-Prim Ministru Joseph Muscat, imbagħad id-diskussjoni tinfetaħ għall-Membri tal-Parlament.