Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fis-summit EwroMediterranju li sejjaħ il-Prim Ministru tal-Greċja kienu diskussi soluzzjonijiet għall-ġejjieni. F’Ateni attendew ukoll il-Prim Ministru Ċiprijot, il-President Franċiż, Il-Prim Ministru Taljan, dak Portugiż u s-Segretarju tal-Stat Spanjol.
Joseph Muscat argumenta li r-ruħ soċjali Ewropea kienet minsija għal żmien twil u b’hekk il-mexxejja se jagħtu l-appoġġ u l-imbuttatura meħtieġa biex din l-idea terġa’ tkun attwata.
Fuq kollox, l-għan ta’ din il-laqgħa kien biex ikun hemm pożizzjoni komuni bejn il-mexxeja tan-nofsinhar tal-Ewropa qabel il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kollha fi Bratislava.
Kienet ukoll laqgħa ingħatat importanza assoluta mill-televiżjoni Griega.
Il-laqgħa ffukat ħafna fuq il-bżonn li fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea jkun hemm dimensjoni Mediterranja u apparti minn hekk biex ikun hemm ħidma konġunta bejn il-pajjiżi tal-Mediterran fuq numru ta’ setturi bħall-immigrazzjoni, sigurta’ u l-ekonomija. It-tnaqqis f’politika ta’ awsterita kienet ukoll fuq l-aġenda ta’ dan l-istess summit.
Fil-ftuħ tas-summit il-Prim Ministru Grieg Tsipras sostna li s-summit tal-mexxeja Ewropej fil-jiem li ġejjin fi Bratislava jrid jindirizza ir-razziżmu u l-ksenofobija.
Jidher li matul dan is-summit Tsipras wera x-xewqa li l-pajjiżi tan-Nofsinhar jistgħu jkunu ta’ qawwa fl-Ewropa bħall-Ġermanja. Sar ukoll l-argument li l-patt tal-stabilta’ u t-tkabbir tal-unjoni ewropea ma ħadimx fil-prattika u b’hekk għandu jkun hemm reviżjoni tiegħu.
Dwar l-immigrazzjoni il-mexxeja sostnew li għandu jkun hemm politika komuni b’ soluzzjoni li tirrifletti s-solidarjeta u tqassim tar-responsabbilta’ tkun waħda ugwali. Tsipras sostna li r-rotott ta’ immigrazzjoni rregolari jistgħu biss jinbidlu jekk ikun hemm arranġament effettiv bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.